28
PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014 FESTA 27

Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

Embed Size (px)

DESCRIPTION

 

Citation preview

Page 1: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 27

Page 2: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

28 FESTA

Page 3: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 1

Kelmtejn mill-Kappillan ..................................................2

Messaġġ mis-Sindku ..................................................5

Kelmtejn mill-Viċi Kappillan ..................................................6

Santa Tereża ta’ Ġesù ..................................................7 Il-Knisja tas-Salib ..................................................9 Adorazzjoni Illum jeħtiegli noqgħod għandek .................................................11 PROGRAMM TAL-FESTA .................................................12 Attivitajiet matul is-sajf 2014 .................................................14 Il-Kristu ta’ San Ġwann tas-Salib ta’ Salvador Dali .................................................15 Il-kwadri ta’ San Ġużepp u l-Addolorata fil-Parroċċa ta’ Ta’ Xbiex .................................................17 Ċelebrazzjonijiet taż-żmien il-Milied .................................................21

Christmas Buffet Dinner Ħarġa Betlehem .................................................22

We have a Dream .................................................23

Page 4: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

2 FESTA

Kelmtejn mill-Kappillan

Bl-għajnuna t’Alla erġajna wasalna għal festa oħra tal-Patrun tagħna San Ġwann tas-Salib. Din is-sena hija sena speċjali għall-Patrun tagħna San Ġwann tas-Salib għax jaħbat il-bidu tas-Sena Ċentinarja f’għeluq il-500 sena mit-twelid ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, il-Fundatriċi flimkien ma’ San Ġwann tas-Salib tar-Riforma Tereżjana.

Ilkoll nafu u napprezzaw is-sehem kbir li kellu San Ġwann tas-Salib meta, bil-barka ta’ Santa Tereża, ġab fis-seħħ l-ewwel Komunità ta’ patrijiet Tereżjani ġewwa Duruelo fl-1568, u wara sentejn ġewwa

Mancera, meta ġie maħtur Surmast tan-Novizzi.

Għalina llum, San Ġwann tas-Salib huwa għalliem mill-aqwa ta’ xi tfisser intimità ma’ Alla f’rapport ta’ mħabba li jibda fuq din l-art u jkompli fis-Sema.

Ix-xjenza tas-Salib, wieħed mis-suġġetti għal qalb Ġwanni tas-Salib, tiggwidana fit-triq tal-Imħabba Pura li, skont San Ġwann tas-Salib, qatra waħda biss minnha tiswa aktar minn ħafna ħidma attiva fil-qasam tal-appostolat. Għax l-appostolat ewlieni li jitkellem minnu San Ġwann tas-Salib mhuwiex ħlief dak tal-Imħabba Pura lejn dak li għal imħabbtu taħraq għalina ssallab fuq Salib aħrax biex isalvana.

Bħala parruċċani tal-Parroċċa ta’ Ta’ Xbiex iddedikata lil San Ġwann tas-SALIB, meqjus mill-iskulari n-namrat t’Alla, aħna wkoll imsejħin b’mod partikulari biex nixxennqu għal din l-Imħabba Pura li Ġwanni jispjega b’tant ħerqa.

Nixtieq minn qalbi nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom ilkoll il-festa t-tajba waqt li nħeġġeġ lil kulħadd għad-devozzjoni u qima lejn dan il-Qaddis hekk kbir.

P. Salv Spagnol ocd

Page 5: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 3

Page 6: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

4 FESTA

h

Page 7: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 5

Messaġġ mis-Sindku

Għeżież Residenti, Bi pjaċir u b'unur ġejt mistieden mill-Kappillan il-ġdid Patri Salv sabiex ikolli l-opportunità li nikkontribwixxi wkoll f'dan il-ktejjeb sabiħ tal-festa ta' San Ġwann tas-Salib.

Nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nawgura lill-Kappillan l-aqwa ħidma. Il-poplu ta' Ta' Xbiex laqa’ bi ħġaru din l-għażla li ħa l-Arċisqof Pawlu Cremona. Għażla li tgħaqqad lir-residenti kollha flimkien, fejn l-istess Kappillan qiegħed bl-umiltà u s-semplicità tiegħu jittrasmetti ġo fina l-valuri Nsara, f'ambjent seren u pjaċevoli. Dejjem sħaqt li fi ħdan il-lokal sabiħ tagħna għandha tirrenja l-għaqda, għaqda li hija isbaħ minn kull aspett materjali fi ħdan il-lokal tagħna. Bħal Parroċċa, il-Kunsill Lokali għandu l-ħidma tiegħu, ħidma kontinwa għas-servizz tan-nies. Biżżejjed ngħid illi f'din is-sena u nofs kemm ilna bil-mandat ta’ dan il-Kunsill, għamilna qabżiet ta' ġgant, kemm fejn jidħol xogħol ta' manutenzjoni fit-toroq, żviluppi infrastrutturali, korsijiet edukattivi, qabża fil-kwalità tal-indafa, numru sabiħ ta’ attivitajiet soċjo-kulturali, titjib fis-servizzi mogħtija in-house, Public Convenience Toilets max-xatt, aktar dwal kemm ta' utilità u kif ukoll dekorattiv, aktar sigurtà, kuntatt viċin man-nies, aktar trasparenza u informazzjoni lir-residenti, aktar tabelli direzzjonali mifruxa, relazzjonijiet b'saħħithom internazzjonali, promozzjoni tal-isport fil-lokalità u servizzi ġodda mill-Kunsill, fosthom il-bdil tal-ID cards flimkien ma’ diversi affarijiet importanti oħra. Ħidma li ġieli tkun tidher u ġieli tkun tidher inqas. Iżda l-importanti li f'Ta' Xbiex kulħadd jaħdem id f'id fl-aħjar interess tar-residenti. Jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed mingħajr differenzi politiċi, nemmen li dan il-lokal għandu potenzjal sabiex ikun l-isbaħ lokalità ta' Malta. Dan għadu biss il-bidu, u bil-mod il-mod inkomplu naħdmu sabiex inkomplu nżommu r-residenti kuntenti u kburin bir-rappreżentanza tagħhom fil-Kunsill.

Il-Parroċċa u l-Knisja ta' San Ġwann tas-Salib ta' Ta' Xbiex għandha valur sentimentali u spiritwali f'ħajti. Dan mhux biss għax jiena s-Sindku ta' dan il-lokal, iżda wkoll għax ġo din l-istess parroċċa kelli l-Ewwel Tqarbina, ħadt il-Griżma tal-Isqof u fl-aħħar u mhux l-inqas iżżewwiġt lill-mara tiegħi. Tliet sagramenti li jagħmluni kburi li jien Nisrani.

Nieħu l-opportunità sabiex nawgura l-festa t-tajba lill-komunità Tereżjana, residenti, parruċċani u volontiera. Minn hawn nistieden lir-residenti kollha sabiex iżommu ruħhom aġġornati u jipparteċipaw bl-aħjar mod kif jistgħu fil-programm tal-festa. Is-sliem għalikom!

Max Zammit D.L.I.S (Melit.) Sindku ta' Ta' Xbiex

Page 8: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

6 FESTA

Kelmtejn mill-Viċi Kappillan

Mingħajr dubju ta` xejn, il-Qaddisin kollha għenu mill aħjar li setgħu s-sejħa li Alla għamlilhom, skont iċ-ċirkustanzi li sabu ruħhom fihom. Mill- kliem huma għaddew għall-fatti u b`hekk laħqu l-Perfezzjoni. Din l-istess sejħa huma għexuha billi ħaddnu kariżma jew don partikulari li Alla żejjinhom bih.

Fil-Parroċċa tagħna wasalna biex nitħlu fil-jiem li fihom aħna ikoll bħala komunità parrokkjali, nagħtu ġieħ u nagħmlu festa lil dan il-qaddis Missierna Spiritwali u patrun tagħna ikoll San Ġwann tas-Salib.

Nixtieq insellem lill-parroċċani ta’ Ta’ Xbiex u nawguralhom festa mil-isbaħ. Festa mimlija ferħ u spiritwalità Karmelitana. Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex insir aktar qrib lejkom. Jien ili magħkom biss sitt xhur, għalhekk inħoss il-bżonn li nkellimkom ftit fuq l-esperjenza tiegħi biex hekk issiru tafuni ftit aħjar.

Immur lura fis-sajf tas-sena 1995 waqt li kont qed nagħmel xogħol ta’ volontarjat mal-morda ġewwa Lourdes fi Franza bdejt naħseb ftit fuq ħajti, fuq is-suċċessi tiegħi kif ukoll fuq xi nuqqasijiet. Kelli kulma qatt xtaqt. Insomma bilgħaqal u l-għaraq ta’ ġbini irnexxieli nwettaq dak li dejjem xtaqt. Madankollu ħassejt vojt kbir. Ħassejtni waħdi. U beda jbehren fija l-ħsieb li Alla ma ħalaqnix biex ngħix waħdi fil-kumdità, imma xtaq li jien ngħix aktar viċin ħaddieħor.Inkun viċin ta’ persuni oħra u flimkien naqsmu l-kariżma tagħna fid-diversità’ kollha li jista’ jkun hemm bejnietna.

Ma kenitx għażla faċli biex nitlaq il-ġid materjali u nibda ħajja marbuta mal-ispititwalità Tereżjana, imma bis-saħħa tal-ġenituri u l-familja rnexxieli u nista’ nassigurakom li qatt ma ddispjaċieni ta’ dan il-pass li jien ħadt.

Il-ħajja spiritwali u reliġjuża fiha d-diffikultajiet tagħha imma fiha wkoll mumenti ta’ hena. Din l-hena ma tistax tqabbilha mal-ebda pjaċir jew ferħ. Ma għandha x’taqsam xejn mal-eċċitament li tista’ tesperjenza waqt xi sport jew divertiment ieħor. Hija stat ta’ ħajja li taqtgħek minn kulma hu materjali u tgħollik fi stat ta’ grazzja mil-isbaħ. Kemm nixtieq nista’ niddiskreviha aħjar biex inħajjarkom tippruvaw tilħqu dan l-istat li jista’ jintlaħaq biss bit-talb u s-sagrifiċċju. Jintlaħaq meta jirnexxilek titfi l-ħsejjes ta’ madwarek u toqgħod fis-skiet ma’ Ġesù. Jiena dan is-skiet inħossu wkoll fix-xogħol pastorali tiegħi meta nkun qed naħdem fil-Hospice ma’ persuni morda bil- cancer, ma’ dawk anqas ixxortjati u bħala Direttur Spiritwali fl-iskejjel Sekondarji.

Dan kollu wassalni biex aċċettajt li niġi f’Ta’ Xbiex bħala Viċi Kappillan. Jien qiegħed naħdem id f’id mal-Kappillan biex flimkien inkomplu nibnu fuq is-sisien sodi li ħallew sħabna ta’ qabilna. Fuq kollox nixtieq li jkollna komunità parrokkjali b’mod li kulħadd iħossu jappartjeni, kulħadd iħossu parteċipi fil-pastorali, kulħadd jaqsam l-esperjenzi tiegħu biex jgħani lill-membri l-oħra. Insomma biex inkunu Ġisem Mistiku u kull wieħed ikun membru. Membru li jaħdem għall-ġid ta’ kulħadd. Nibku flimkien u ngawdu flimkien ukoll. Inkunu anqas individwi u aktar parroċċa.

Nixtieq nagħlaq dan l-artiklu billi nistieden lil kull min jixtieq ikellimni, jista’ jiġi jsibni wara l-Quddies. Jien nieħu gost insir iżjed viċin tagħkom u nkun magħkom tul il-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna.

P. Alred Vassallo ocd

Page 9: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 7

Santa Tereża ta’ Ġesù 

It‐Tripied tal‐Qaddisa fil‐Ħames Mitt Sena minn Twelidha 

Din is-sena l-festa ta’ San Ġwann tas-Salib taħbat fiċ-ċentinarju ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù (2014 – Ottubru – 2015), it-tnejn mistiċi Spanjoli u fundaturi tal-Karmelu Tereżjan, magħrufa bħala Dutturi tal-Knisja minħabba t-tagħlim profond u siewi tagħhom fit-triqat tal-Ispirtu. Kienu

bosta dawk li matul is-sekli u sal-lum għażluhom bħala gwidi żguri għall-unjoni ma’ Alla. Huma wrew li t-talb ma jistax ikun sempliċi devozzjoni li tħalliha fuq l-ixkaffa u toħroġha biex titlob lil Alla għall-ħtiġijiet tiegħek jew biex tfaħħru u troddlu ħajr għal dak li jagħmel miegħek, u daqshekk. Ir-rwol tagħhom fil-Knisja huwa li jservu ta’ mistagogi, jiġifieri qaddisin li mhux biss għamlu esperjenza ta’ Alla huma, imma wkoll qasmuha ma’ oħrajn, u fissruha b’mod meraviljuż. Huwa proprju veru dak li tgħid Santa Tereża, li hija grazzja li jkollok ċerti esperjenzi [mistiċi], ħaġ’oħra li tifhimhom, u jerġa’ oħra li jirnexxilek tikkomunika x’kien mifhum. Fi kliem Santa Tereża: “Hija grazzja li l-Mulej jagħti din il-grazzja [tat-talb], imma hija grazzja oħra li tifhem x’inhi u kif taħdem, u terġa’ grazzja oħra li tkun tista’ tfissirha u tfiehem x’inhi” (Ħajja 17, 5).

Kellu raġun Luís de León, l-ewwel editur tal-kitbiet tal-Qaddisa, meta kiteb li Santa Tereża tista’ ssir tafha l-aħjar fiż-żewġ xbihat ħajjin li ħallietilna, li huma wliedha s-sorijiet u l-kotba tagħha. L-ewwel waħda hija l-kariżma f’persuni msejħin biex ilaħħmuha llum, u t-tieni waħda hija l-qawwa li għandha l-kitba, b’mod partikulari ta’ Tereża, li l-istil tal-kitba tagħha huwa ta’ konverżazzjoni, qisha qiegħda tkellmek dak il-ħin. Mhux darba u tnejn tibda argument, tieqaf f’’nofsu, biex imbagħad terġa’ taqbdu aktar ‘il quddiem. Tistħajjel li qiegħda tgerfex, imma l-kotba tagħha juru li għandhom pjan preċiż ħiereġ minn waħda mġarrba u li taf x’inhi tgħid.

Huwa suġġerit li l-ewwel ktieb li għandna naqraw huwa KTIEB IL-ĦAJJA, l-avventura ta’ mħabba li tinfirex mit-twelid tagħha sat-twaqqif tar-Riforma tagħha bil-monasteru ta’ San Ġużepp ġewwa Avila (Spanja). Erbgħin kapitlu miktubin minn mara li għexet bis-sħiħ il-ħajja tal-familja Ahumada u baqgħet qrib missierha u ħutha sal-aħħar (ommha mietet meta kienet żgħira). Minn stmerrija għall-ħajja ta’ soru, tgħaddi biex tagħżilha għaliha. Minn ħajja ‘l bogħod mit-talb (ukoll bi skuża falza) Alla jinqeda

bil-ħbieb tiegħu, jieħu r-riedni f’idejh, u fl-aħħar isir hu l-“ktieb il-ħaj” tagħha (k. 26). Tibda tagħmel esperjenzi qawwija ta’ talb, u dawn l-interventi ta’ Alla f’ħajjitha jwassluha biex iċċedi quddiem Ġesù u tibda r-Riforma tal-Karmelu. Il-ktieb tal-Ħajja huwa l-iktar ktieb dens li kitbet, l-iktar wieħed rikk fit-tagħrif awtobijografiku tal-Qaddisa. Huwa indispensabbli biex tagħraf il-ħajja mistika tagħha (mill-k. 23 ‘il quddiem) u l-bidu tal-ħidma tagħha bhala fundatriċi (kk. 32-39). Huwa ktieb li ġie f’idejn l-Inkwiżizzjoni (1575), b’vendikazzjoni tal-prinċipessa ta’ Eboli, u li Tereża qatt ma reġgħet ratu f’ħajjitha. Imma f’kwart tal-ktieb ippreżentat id-duttrina tagħha, bħall-erba’ gradi tat-talb (kk 11-21) fejn tqabbilhom ma’ erba’ modi kif jissaqqa’

Page 10: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

8 FESTA

l-ġnien. Tagħti kriterji ta’ dixxerniment tal-fenomeni patoloġiċi u paranormali (k. 25). Tisħaq fuq il-grazzja tal-Umanità ta’ Kristu (k. 22), u tirreferi għan-nifda tal-qalb fl-għerusija spiritwali (k. 29). Ktieb li jittratta vjaġġ u tagħlim, ktieb tal-ġenn.

Il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ Tereża ma tieqafx hawn. Bit-tieni monasteru li waqqfet f’Medina del Campo fl-1567 Tereża tiftaħ il-KTIEB TAL-FUNDAZZJONIJIET, f’ċertu sens kontinwazzjoni tal-Ktieb tal-Ħajja. Fl-istess okkażjoni ta’ Medina, tiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ San Ġwann tas-Salib (F 3, 17). Tissokta twaqqaf il-“barumbari tal-Madonna”, kif issejjaħ it-13-il monasteru li waqqfet hi. Żmien ta’ taħbit immens bħala fundatriċi, kif jixhdu wkoll l-ITTRI tagħha. L-inkwiet ma naqasx, imma s-sodisfazzjon ukoll li

tara, ma’ kull fundazzjoni, post ieħor miftuħ għall-qima tal-Ewkaristija. L-agħar taħbit kien ġej minn ġewwa, imma minn ġewwa wkoll sabet l-okkażjoni biex tikber fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, bħal fil-grazzja taż-żwieġ mistiku (1572) fil-preżenza ta’ San Ġwann tas-Salib. Tant taħbit, imma tant grazzji wkoll.

It-tripied duttrinali ta’ Santa Tereża huwa l-Ħajja, it-Triq, il-Kastell. It-TRIQ TAL-PERFEZZJONI hu t-tieni ktieb li kitbet il-Qaddisa. Huwa manwal tat-talb għal min jixtieq jieħu bis-serjetà l-ħajja ta’ talb. La qed titkellem fuq “ħajja” tfisser sewwa t-tliet rekwiżiti għal din il-ħajja, jiġifieri l-umiltà bħala disponibbiltà għall-pjan ta’ Alla, id-distakk biex tgawdi l-libertà, u l-imħabba lejn xulxin (mill-k. 4 ‘il quddiem). Hi meħtieġa d-“determinazzjoni determinata” (kk 19-23). It-tieni parti tal-ktieb (kk 22-42), imbagħad, idaħħal lill-qarrej

fl-orazzjoni u l-kontemplazzjoni. Il-bażi hija t-talba ta’ Ġesù mlaħħma fil-Missierna, fis-sentimenti tiegħu, fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier, u fuq il-ħarsa tiegħu fuq l-aħwa. Il-Missierna sservi għal Tereża biex tinterjorizza t-talb (kk. 26-29), tirreferi għat-talb liturġiku u b’mod partikulari l-Ewkaristija (kk. 33-35), u l-ħtieġa tal-maħfra u l-imħabba lejn l-għedewwa biex ikollna kontemplazzjoni ġenwina (kk. 36-38). It-Triq tal-Perfezzjoni hu ktieb klassiku tal-pedagoġija tat-talb, u fost il-kotba ta’ Tereża, huwa l-aktar wieħed valorizzat mill-awtriċi. Famuża wkoll hija l-apoloġijia tal-Mara (k. 3). Meta xi ħadd assiguraha kunfidenzjalment illi taqra l-paġni ta’ din l-opra kien bħal qisek taqra l-Kotba Mqaddsa, hija aċċettat l-allużjoni bi tbissima.

Il-KASTELL ĠEWWIENI huwa l-“ġojjell” ta’ Tereża. Hu magħruf ukoll bħala “L-Għamajjar” għax imnebbaħ mill-kliem ta’ Ġesù fejn qal li fis-Sema hemm ħafna għamajjar fejn nistgħu ngħixu (Ġw 14, 2). Ispirat ukoll mis-swar tal-belt ta’ Avila. Huwa l-aħħar ktieb mit-tripied duttrinali Tereżjan. Sentejn wara li għeb il-Ktieb tal-Ħajja fl-Inkwiżizzjoni ta’ Valladolid u Madrid fl-1575, Tereża talbuha tirkupra t-tagħlim u l-awtobijografija ta’ dak il-ktieb. Ir-riżultat kien dan il-kapolavur. Imħabbta u b’saħħitha xejn tajba, kitbitu fi ftit ġimgħat, u bagħtitu

lil San Ġwann tas-Salib. Il-Kastell huwa simbolu tar-ruħ, il-bniedem, li jgħaddi ġewwa fih minn għamajjar għal oħra sa ma jasal fiċ-ċentru tal-Kastell, fejn igawdi lil Alla, il-Maestà Tiegħu, fil-glorja tiegħu. It-talb jiddependi ħafna mill-forza axxetika tagħna fl-ewwel tliet għamajjar

Page 11: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 9

(Kastell), jidħol fl-art qaddisa tal-ħajja mistika b’tiżwiq uman u divin fir-raba’ (l-għejjun tal-ilma), u fl-unjoni u santifikazzjoni inizjali fil-ħames (dudu tal-ħarir), biex jintemm fi trasformazzjoni mistika fl-aħħar tliet għamajjar (l-imħabba sponsali) bħall-Għanja tal-Għanjiet. Il-bieb biex tidħol fil-kastell hu t-talb u tiddedika ħames kapitli biss fuq l-axxeżi tat-talb (kontra t-22 fit-Triq tal-Perfezzjoni). B’kuntrast, il-bqija tużah biex tikkummenta fuq it-talb sa ma fis-seba’ għamajjar iseħħ iż-żwieġ spiritwali, għaqda ta’ mħabba mhix destinata biex tinħall. Marta u Marija, azzjoni u kontemplazzjoni, jaħdmu id f’id. Servizz armonjuż fil-Knisja u bħala Knisja. Esperjenza umana u esperjenza Trinitarja, inkurunati f’Tereża bi grazzja oħra: l-istedina lir-ruħ “Inħeba Fija” (fl-1577), li tiftaħ lil Tereża għall-milja tagħha bħala mara u qaddisa. Il-preżenza ta’ Alla hi kompluta. Il-vjaġġ hu mitmum. Jew aħjar jieħu xeħta ġdida. Il-vjaġġ fl-imħabba ta’ Alla jkompli.

P. Manwel Schembri ocd

Tiegħek jien, għalik jiena twelidt: Mulej, xi trid minni?

Tiegħek jien, għax Inti ħlaqtni: tiegħek jien, għax Inti fdejtni; tiegħek jien, għax stabart bija; tiegħek jien, għax issejjaħli; tiegħek jien, għax Int stennejtni; tiegħek iva għax ma ntliftx: Mulej, xi trid minni?

Page 12: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

10 FESTA

Il-KNISJA TAS-SALIB

Ġieli niltaqa’ ma’ wħud li meta ngħidilhom li fil-preżent qed inservi fil-knisja Ta’ Xbiex, dawn jistaqsu: “Qed tirreferi għall-knisja Tas-Salib?” Sintendi qed jirreferu għas-salib kbir tal-ħadid jew “ferro battuto” li jżejjen fuq wara tal-artal maġġur tal-knisja tagħna. Hu salib li, kif tidħol l-antiporta tal-knisja, ma jistax ikun li ma jolqtokx. Kif ġie dan is-salib?

Il-knisja taghna hi ddedikata lil San Ġwann tas-Salib u dan il-qaddis, bejn is-sena 1574 u s-sena 1577, kien qed jitlob fil-kunvent fi speċi ta’ gallerija li tigi fuq kappellun tal-knisja. Minn hemm seta’ taħtu jara kurċifiss imdendel li fil-pożizzjoni li kien, ħassu jilmaħ u jikkontempla lill-istess Ġesù Kristu nnifsu msallab. Hu kien artist u fuq karta żgħira daqs santa komuni, hu għamel disinn bil-linka ta’ dik ix-xena li tant kienet laqtitu u poġġiha fil-Brevjar tiegħu. Ftit wara, soru lemħet dan id-disinn u għoġobha wkoll, u għalhekk talbithulu. San Ġwann li min jaf kemm saħaq li m’għandna norbtu qalbna ma’ xejn, kien pront tahulha. Din is-soru, Ana Maria de Jesus, għożżitu dan id-disinn u neħħi l-ftit żmien li sellfitu lill-konfessur tagħha, baqa’ għandha sa ma mietet. 40 sena wara d-disinn għadda għand soru oħra, Maria Pinel li poġġietu f’relikwarju speċjali. Fl-1630 rawh żewġt ammiraturi ta’ San Ġwann tas-Salib, Alonso de la Madre de Dios u Jeronimo de San José. Dan tal-aħħar irnexxielu jagħmel kopja ta’ dan id-disinn u anke jippubblikah. Dawn b’hekk nistgħu ngħidu li wrewh id-dinja ta’ dak iż-żmien u kienu ħafna li bdew jiġu infuwenzati fl-arti tagħhom minn dan id-disinn. Wara l-mewt tas-soru Marija Pinel fl-1641, id-disinn tpoġġa f’relikwarju ieħor flimkien ma’ għadma tal-qaddis u baqa’ hemm sal-1969.

Kien fis-seklu 20 li d-dinja skopriet lil San Ġwann tas-Salib u miegħu wkoll lil Kristu fuq is-Salib. Ħargu ħafna u ħafna studji fuq il-kitba u fuq id-disinn ta’ dan il-qaddis. Rigward d-disinn, kien il-Patri Tereżjan Franċis, Bruno de Jesus–Marie, li qajjem interess kbir, meta wera dan f’Pariġi fl-1945 u 1950 liċ-ċelebri artisti Spanjoli, José Maria Sert u Salvador Dali. Jidher bis-sħiħ kemm huma kienu ġew influwenzati mid-disinn, fil-ħafna mix-xogħlijiet li ħarġu wara mill-pinzell tagħhom. Waħda minn l-aktar magħrufa hi dik ta’ Dali “Cristo de San Juan de la Cruz” li pittirha fl-1951.

Waqt iċ-ċelebrazzjonijit tal-400 sena tar-Riforma f’Duruelo, fl-1968, ġie mogħti l-permess neċessarju biex id-disinn tal-qaddis jiġi studjat u restawrat. Għalkemm instab li l-oriġinal kellu xi żieda miegħu, dan xorta juri kemm kien ġenju l-awtur tiegħu.

Mela meta spiċċajt in-novizzjat fl-1966, P. Gabriel Grech, li dak iż-żmien kien il-Provinċjal u hu l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa tagħna, kien bagħatna nistudjaw il-filosofija f’Oxford l-Ingilterra. Hu stess kien ġie magħna u hemm iltaqa’ mal-Pirjol Fr. Bede Edwards li bħalu kien iħobb ‘il San Ġwann tas-Salib. Dan kien ta lil P. Gabriel bicca xogħol tal-arkett u li kienet influwenzata mid-disinn ta’ San Ġwann tas-Salib. Meta ġie Malta ħajjar artista li kienet toqghod ftit ‘il bogħod mill-knisja tagħna, biex toħloq hi disinn ħalli jkun jista’ jsir tal-ħadid u jitqiegħed fuq wara tal-presbiterju. Is-Sinjura Marion Pace rnexxielha toħroġ bl-opra sabiħa li għandna żżejjen il-knisja tagħna llum. Għaliha kien żgur ispirazzjoni profonda ta’ Kristu msallab. Tant hu hekk, li meta kienet tkun tgħin lis-Sur Sunny Muscat, ħaddied minn Ħal Luqa, iwettaq din il-biċċa xogħol artistika, hi kienet tħoss għajnejha jimtlew bid-dmugħ għax kienet tistħajjilha ħdejn Kristu qed jissallab. Ilkoll għandna bżonn nifhmu x’għamel Ġesù Kristu għalina għax ħabbna. B’hekk ħajjitna żgur tkun tista’ aktar issir tixbah lil tiegħu. Nawgura l-Festa’ t-Tajba lil kulħadd.

P. Alfred Debono ocd

Page 13: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 11

Page 14: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

12 FESTA

FESTA F’ĠIEĦ SAN ĠWANN TAS-SALIB Il-Ġimgħa 7 Ta’ Novembru Adorazzjoni 6.00pm Quddiesa 6.30pm Adorazzjoni biex il-festa tħalli frott spiritwali u tkabbar fina l-imħabba lejn San Ġwann tas-Salib.

It-Tnejn 10 Ta’ Novembru Jum l-Għaqdiet Ċivili 5.30pm Rużarju 6.00pm Quddiesa bis-sehem tal-Għaqdiet Ċivili tal-Parroċċa. Iqaddes il-kappilan Patri Salvinu Spagnol ocd. Il-kant isir mill-Kor tal-Parroċċa taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Gino Mule Stagno.

It-Tlieta 11 Ta’ Novembru Jum it-Tfal u Vestizzjoni tal-Abbatini 5.00pm Ċelebrazzjoni ta’ ferħ mit-tfal tal-Parroċċa u dawk li jattendu d-duttrina. Issir purċissjoni b’inkawtru ta’ San Ġwann tas-Salib merfgħuh mit-tfal bis-sehem tal-Iscouts tal-Imsida. 6.00pm Quddiesa mill-Kappillan tal-Fgura Patri Renald Lofreda o.carm. Fiha ssir il-vestizzjoni ta’ żewg abbatini ġodda Monique Castelletti u Zacharias Bora. Il-kant se jkun immexxi mis-sinjuri Suzanne Azzopardi, C. Castelletti u Louise Cachia Castelletti. Wara l-Quddiesa t-trabi jiġu ppreżentati lill San Ġwann tas-Salib. It-tfal kollha jingħataw BORŻA ĦELU.

L-Erbgħa 12 Ta’ Novembru Jum Il-Familja 9.30am Quddiesa għall-Morda u l-Anzjani li fiha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Grizma tal-Morda. Iqaddes Patri Raymond Bonnici ofm.cap, Kappillan tal-Pulizija. Wara l-Quddiesa jkun hemm Entertainment fis-sala Parrokjali għall-Anzjani tagħna imħejji mill-Kummissjoni Djakonija. 5.30pm Rużarju 6.00pm Quddiesa li għaliha huma mistiedna l-familji. Iqaddes Patri Alfred Vassallo ocd, Vici-Kappillan. Il-kant isir minn Paul u Sonia Salerno.

Il-Ħamis 13 ta’ Novembru Jum il-Kummissjonijiet fi ħdan il-Parroċċa 5.30pm Rużarju 6.00pm Quddiesa għall-Kummissjonijiet li jaħdmu fil-Parroċċa tagħna. Iqaddes Patri Alfred Debono ocd, Pirjol tal-Komunità ta’ Ta Xbiex. Il-kant isir mill-Kor tal-Parroċċa tagħna taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Gino Mule Stagno

Il-Ġimgħa 14 ta’ Novembru Jum is-Saċerdoti u r-Reliġjużi 5.30pm Rużarju 6.00pm Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr ta’ Patri Karm Spiteri ocd, Saċerdot ġdid tal-Provinċja tagħna. Nifirħu miegħu u nitolbu ħafna għalih. Il-mużika tkun tas-Surmast Camilleri.

Is-Sibt 15 ta’ Novembru Lejlet il-Festa 5.30pm Rużarju 5.55pm Translazzjoni Solenni bir-Relikwija tal-Missier tagħna San Ġwann tas-Salib 6.00pm Konċelebrazzjoni mmexxijja mill-Provinċjal Patri Manwel Schembri ocd. Wara tingħata l-Barka Sagramentali. Il-kant isir mill-Kor tal-Parroċċa mmexxi mill-Mro. Gino Mule Stagno.

Page 15: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 13

Il-Ħadd 16 ta’ Novembru Jum Il-Festa 7.00am Quddiesa 8.30am Quddiesa mill-Kappillan tal-Imsida Dun Norman Zammit 10.00am Quddiesa bl-Ingliż 11.30am Quddiesa mill-Kappillan tal-Gżira Dun Karm Tanti 5.30pm Rużarju 5.55pm Barka Sagramentali 6.00pm Konċelebrazzjoni mmexxijja mill-Provinċjal Patri Manwel Schembri ocd. Jippriedka fuq San Gwann tas-Salib Patri Martin Micallef, Provinċjal tal-Franġiskani Kapuċċini. Ikanta il-Kor Tota Pulchra ta’ Bormla mmexxi minn Mro. Walter Tonna. Wara jsir riċeviment fis-sala tal-Kunvent.

Il‐Kappillan u l‐Komunità Tereżjana  

jixtiequ Festa tajba u qaddisa  

lill‐komunità parrokkjali u  

lill‐ħbieb kollha tagħna 

Page 16: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

14 FESTA

Page 17: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 15

Il-Kristu ta’ San Ġwann tas-Salib Ta’ Salvador Dali

Kristu ta’ San Gwann tas-Salib, hija pittura ta’ Salvador Dali magħmula fl-1951. Din il-pittura turi

lil Ġesù Kristu fuq is-salib, f’sema skur fuq baħar kalm b’dgħajsa u sajjied. Għalkemm hija turi l-kruċifissjoni, madankollu ma jidhrux la msiemer, la demm u lanqas kuruna tax-xewk, għaliex skont Dali, huwa stess kien ikkonvinċa ruħu minn ħolma li dawn il-fatturi kienu jtellfu id-dehra ta’ Kristu fuq is-salib… Kien ukoll rivelat lilu f’ħolma, l-importanza li juri lil Kristu f’angolu estrem, kif jidher tajjeb fil-pittura.

Il-pittura hija magħrufa bħala l-"Kristu ta' San Ġwann tas-Salib" minħabba li d-disinn tagħha huwa bbażat fuq tpinġija tas-seklu 16 magħmula mill-Karmelitan Spanjol San Ġwann tas-Salib. Dan il-mistiku tal-Knisja kien pinġa dan id-disinn pjuttost żgħir wara li kellu dehra ta’ Kristu fuq is-salib waqt li kien qiegħed jitlob minn tieqa żgħira li kienet tagħti għall-knisja tal-monasteru. Huwa għalhekk li x-xbieha ta’ Ġesù narawha minn dak l-angolu. Il-kompożizzjoni ta’ Kristu ta’ Dali huwa wkoll ibbażat fuq trijangolu u ċirku (it-trijangolu huwa ffurmat minn idejn Kristu u ċ-ċirku huwa ffurmat mir-ras ta’ Kristu). It-triangolu, peress li għandu tliet naħat, jista’ jitqies bħala referenza għat-Trinità, u ċ-ċirku jirrappreżenta l-Unità: Kollox għandu l-eżistenza fit-"Tlieta”.

Storja

minn Tom Honeyman, li kien id-direttur tal-Glasgow Museum. Honeyman akkwista din il-pittura għall-prezz ta’ £8200, prezz meqjus għoli għalkemm kien inqas mill-prezz katalogat ta’ £12,000, li kien jinkludi wkoll il-copyright, ghalkemm il-Mużewijiet ta’ Glasgow aktar tard kisbu lura l-ispiża oriġinali għal ħafna drabi minħabba l-ammont kbir ta’ viżitaturi li kontinwament kienu jħallsu biex jaraw dan il-kwadru uniku.

Ix-xiri kien kontroversjali. Petizzjoni kontra x-xiri ta’ dan il-kwadru, bl-argument li l-flus għad-drittijiet fuq il-pittura kienu

ġew akkwistati għall-Glasgow Corporation fil-bidu tal-1950 għandhom jintefqu fuq il-bini ta’ post ta’ wirjiet għall-artisti lokali, ġie ppreżentat lill-Kunsill tal-Belt mill-istudenti tal-arti ta’

Page 18: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

16 FESTA

Glasgow. Din il-kontroversja kienet il-kawża li Honeyman u Dalí saru ħbieb, u damu jikkorrispondu wiehed mal-ieħor għal ħafna snin wara din il-ġrajja.

Il-pittura l-ewwel kienet għall-wiri fil-mużew tal-arti fil-belt ta’ Kelvingrove fit-23 ta’ Ġunju 1952. Fl-1961 viżitatur fil-mużew waddab xi ġebel għal fuq il-pittura u għamel ħsara b’idejh stess lit-tila. Kienet restawrata b'suċċess tul diversi xhur mill-konservaturi f’Kelvingrove u wara reġgħet lura għall-wiri fil-mużew. Fl-1993 il-pittura ġiet meħuda f’St Mungo Museum of Religious Life and Art, iżda reġgħet lura f’Kelvingrove għall-ftuħ mill-ġdid tiegħu. F’Lulju tal-2006 din il-pittura kienet il-kwadru l-aktar favorit fost l-Iskoċċiżi.

Kritika

Il-pittura kompliet dejjem tikkawża kontroversja. Fiż-żmien meta nxtrat minn Honeyman, il-verdett mill-kritiċi tal-arti moderna kien, li wieħed jipproduċi tali pittura tradizzjonali kien ‘stunt’ minn artist li kien diġà famuż għall-arti surrealista tiegħu. Fl-2009 il-kritiku tal-arti Jonathan Jones innota li din il-pittura ta’ Dali tista’ tkun l-aktar xena qawwija tal-kruċifissjoni fis-seklu 20.

Fil-programm ‘Great Lives’ fuq il-BBC Radio 4 il-poeta John Cooper Clarke ddeskriva din id-dehra ta’ Kristu Msallab bħala differenti minn kull xbieha oħra tal-tislib: l-artist jiddeskrivi l-uġigħ waqt li wieħed ikun imdendell ma’ salib, iżda fl-istess waqt jaħbi l-espressjoni tal-wiċċ ordinarjament b’espressjoni ta’ wġigħ li normalment wieħed jara f’dawn ix-xbihat.

Offerta minn Spanja

Jingħad li l-gvern Spanjol offra £80,000,000 (127,000,000 $ USD) għall-pittura, iżda l-offerta ġiet miċħuda.

ADORAZZJONI EWKARISTIKA FIL-PARROĊĊA

Kull l-ewwel Ġimgħa tax-Xahra Adorazzjoni animata mill-Kummissjoni Familja fis-6.30pm Kull tieni Tlieta tax-Xahra Adorazzjoni animata mill-Kummissjoni Ħniena Divina fis-6.30pm Kull tielet Tlieta tax-Xahra Adorazzjoni animata mill-group Ċenaklu Marjan fis-6.30pm Kull l-aħħa Ġimgħa tax-Xahra Adorazzjoni animata mill-Leġjun ta’ Marija fis-6.30pm

Page 19: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 17

Il-Kwadri ta’ San Ġużepp u tal-Addolorata fil-Parroċċa ta’ Ta’ Xbiex.

Minn Victor Caruana B.A.(Hons), MA, Storja tal-Arti Il-knisja parrokkjali ta’ Ta’ Xbiex, iddedikata lil San Ġwann tas-Salib m’hijiex fost dawk il-knejjes tipiċi Maltin li nsibu jiddominaw l-irħula u l-ibliet tagħna. L-arkitettura tagħha ma ġietx ispirata mill-istil Barokk li jikkaratterizza tant knejjes oħra ta’ pajjiżna u lanqas hija waħda li hija miżgħuda b’għadd ta’ pitturi li jżejjnu l-artali u s-soqfa. Minkejja dan, f’din il-knisja wieħed isib żewġ kwadri nteressanti li huma ferm aktar antiki mill-knisja nnifisha. Dawn il-kwadri saru matul is-seklu dsatax u jirrapreżentaw lil San Ġużepp – li huwa xogħol il-pittur Malti Giuseppe Cali’ (1846-1930) u lil Marija Addolorata, li hija xogħol it-Taljan Attilio Palombi (c.1860-1912). Aktar minn kull aspett ikonografiku jew stilistiku partikolari, dawn ir-rappreżentazzjonijiet huma nteressanti minħabba l-fatt li saru minn żewġ artisti li l-karrieri tagħhom ikkonverġew f’aktar minn każ wieħed u rriżultaw f’konfronti ta’ pika artistika matul dan il-perjodu fl-istorja tal-arti Maltija. Iż-żewġ kwadri ma sarux sabiex jitpoġġew fuq altar imma jidher li l-iskop tagħhom kien purament devozzjonali. Dan jidher mhux biss mid-daqs tagħhom imma anke mill-mod ta’ kif l-artisti rispettivi trattaw is-suġġett. Minkejja li kemm il-pittur Malti u dak Ruman interpretaw it-tema fl-istil partikolari tagħhom, fihom ma nsibux lill-personaġġi f’xi xena narrattiva iżda narawhom f’poża pjuttost kalma li tistieden lid-devot sabiex jitlob quddiemhom. Il-Kwadru ta’ San Ġużepp

Il-kwadru ta’ San Ġużepp oriġinarjament kien sar għall-parroċċa tal-Imsida, li għandha l-patroċinju tal-istess qaddis. Madanakollu, jidher li ma nstabx post fejn dan jitpoġġa u għalhekk il-benefatturi li kkummissjonaw din it-tila żammew din il-pittura għandhom sakemm meta fl-1958 kien komplut il-bini tal-knisja f’Ta’ Xbiex, huma taw din ix-xbiha lil dan it-tempju ġdid.1 Il-pittur Giuseppe Cali’ pitter lil San Ġużepp diversi drabi, kemm għal fuq l-artali u kemm għal sotto-kwadri f’diversi parroċċi. Il-pittura f’Ta’ Xbiex hija tipika għal dan il-pittur ċelebri, fejn fiha jiġi enfażizzat l-ispirtu Romantiku u Purista li kien

popolari matul is-seklu dsatax. Dan l-ispirtu jsarraf f’enfażi fuq l-impatt devozzjonali li l-figuri jkollhom fuq id-devot u fejn il-personaġġi jiġu murija f’ġesti sempliċi u pożi naturali.2 Fil-pittura naraw lil San Ġużepp f’eta’ avvanzata u li jidher mill-qadd ‘l fuq bħal donnu qiegħed bil-qegħda filwaqt li jħares lejn l-ispettatur b’ħarsa pjuttost ħosbiena. Il-pala ta’ jdejh 1 Komunikazzjoni personali mas‐Sur Marcus E. Mifsud.  

2 Dan imur kontra l‐prinċipji tal‐istil Barokk, fejn l‐aktar elementi li jispikkaw kienu l‐ġesti movimentati u t‐tqegħid drammatiku tal‐pjiegi tal‐ilbies – aspetti estetiċi li kellhom l‐iskop li jirriflettu s‐sitwazzjoni tar‐ruħ tal‐figuri partikolari.  

Page 20: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

18 FESTA

il-leminija qed iżżomm fjur tal-ġilju – simbolu popolari assoċċjat ma’ dal-qaddis - u toħroġ minn taħt il-mant ta’ kulur isfar okru li jinsab marbut ċentralment fuq in-naħa ta’ fuq ta’ sidru u jdur ma’ spallejh. Il-mant fuq il-lemin tal-qaddis jgħatti l-id u jibqa’ sejjer sabiex b’panneġġi naturali u ritmiċi, jgħatti wkoll il-figura kollha filwaqt li jifforma linja djagonali fil-parti t’isfel tal-kwadru. Bl-id l-oħra, il-qaddis qed iħaddan miegħu il-figura ta’ Ġesu’ Bambin li jinsab bilqegħda f’ħoġor il-missier putattiv tiegħu iħares direttament lejn l-ispettatur. Cali’ pittru b’idejh miftuħin bħal donnu Ġesu’ qed juri lilu nniffsu bħala l-Iben t’Alla u fl-istess ħin jistieden lid-devot jersaq lejh. Il-libsa bajda tiegħu ma turix biss is-safa’ u l-innoċenza li jispikkaw fil-persuna tiegħu iżda wkoll ifakkru fit-titlu ta’ ‘Ħaruf t’Alla’ li San Ġwann il-Battista kien indirizza lejn Ġesu’ fil-bidu tal-missjoni tiegħu. Il-ġest tal-idejn u l-kulur bajdani tal-libsa li tant jispikka fil-pittura jpoġġu lil Ġesu’ Bambin bħala l-personaġġ prinċipali tal-kompożizzjoni, tant li anke San Ġużepp imejjel ftit rasu lejh b’sens ta’ qima u sabiex iħajjar lill-ispettatur jitfa’ l-attenzjoni tiegħu fuqu. L-istil tipiku tal-pittur Malti huwa evidenti f’kull aspett ta’ din il-pittura, kemm jekk huwa realiżmu, tqassim u mudellatura fil-panneġġi tal-ilbies u anke l-għażla tal-kuluri bbilanċjati li ntużaw. Il-Kwadru ta’ Marija Addolorata

Kwadru ieħor li sar fl-istess epoka tal-pittura ta’ San Ġużepp huwa dak li jirrappreżenta lil Marija Addolorata, xogħol ta’ Attilio Palombi. Fih naraw il-figura waħedha tal-Madonna, liebsa velu bajdani li joħloq kuntrast mal-kuluri skuri mhux biss tal-libsa ħamranija u l-mant ikħal iżda wkoll mal-kulur tal-karnaġġjon tagħha. Ix-xena hija ambjentata fil-post fejn issallab Kristu- il-Golgota, kif jidher sew mill-blat għoli li l-ispettatur jara fl-isfond tal-pittura. L-Addolorata tinsab bilqegħda fiċ-ċentru tat-tila, fuq il-blat ta’ dan il-post

mistmerr. Palombi ħoloq kompożizzjoni trijangolari fil-poża tal-figura, li minn rasha titwessa permezz tal-mant tqil li hemm iserraħ ma’ spallitha u li jinġema’ b’mod goff ma’ qaddha sakemm jgħatti wkoll saqajha. Idejha jinsabu mniżżlin ‘l isfel u maqgħudin flimkien f’ġest tipiku ta’ niket li nsibu f’dan is-suġġett. Fl-istess ħin, bihom il-Madonna qegħda żżomm ukoll il-mant magħha. Hija poża li tirrifletti sens ta’ ġabra u meditazzjoni, kif muri wkoll mill-ħarsa ‘l isfel tad-Duluri li twassal għajnejn id-devot lejn is-simboli tal-passjoni ta’ Kristu, jiġifieri l-kuruna tax-xewk, l-imsiemer u l-ħabel li jinsabu mpoġġija fuq blata li hemm maġenb il-Madonna. Apparti s-sens ta’ solitudni li fiha tinsab il-figura - waħedha f’dak il-post - l-atmosfera kiebja u ta’ deżolazzjoni li tiddomina l-kwadru hija kompluta wkoll permezz tas-sħab skur li qed jiġi mferraq mid-dawl bajdani tax-xemx li bħal donnha waslet biex toħroġ minn warajhom. L-iswed tas-sħab jindika t-tmiem tad-dalma li kkaratterizzat l-aħħar ftit siegħat fil-ħajja ta’ Kristu u fl-istess ħin jirrifletti s-sitwazzjoni u l-emozzjonijiet f’qalb l-omm imnikkta li għadha kemm rat lil binha jiġi umiljat u maqtul.

Page 21: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 19

Wieħed jista’ jgħid li għalkemm il-kwadri tpittru minn żewġ artisti differenti, xorta għandhom karatteristiċi li jirriflettu l-perjodu li saru fih. It-tnejn li huma, per eżempju, huma xogħlijiet tipiċi devozzjonali fejn fihom jispikka l-istil Purista u Romantiku li tant kien għal qalb il-poplu, speċjalment dawk li kellhom gosti artistiċi fini. Il-fatt li fi xbihat bħal dawn, id-devot seta’ jsibha faċli li jitlob quddiemhom mingħajr l-aljenazzjonijiet ta’ xi ġesti drammatiċi u moviment żejjed wassal sabiex iż-żewġ pitturi li ħolqu dawn iż-żewġ kompożizzjonijiet sempliċi iżda effettivi fil-messaġġ li riedu jwasslu jkunu fost l-aktar esponenti prominenti fl-istorja tal-arti sagra Maltija tas-seklu dsatax – storja li fiha Cali’ u Palombi offrew episodji nteressanti li fihom spikkat il-pika u fejn wieħed jista’ jifhem il-mentalita’ u l-gosti estetiċi tal-kummissjonanti u l-poplu Malti fil-perjodu msemmi. Cali’ u Palombi fl-Arti Maltija tas-Seklu 19. Matul is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, Giuseppe Cali’ kien stabilixxa ruħu bħala l-aqwa pittur Malti tal-perjodu, b’numru mpressjonanti ta’ kummissjonijiet fil-knejjes u kappelli tal-pajjiż kif ukoll b’numru ta’ pitturi f’kollezzjonijiet privati u postijiet pubbliċi.3 Minkejja l-popolarita’ li kellu, huwa xorta sab artisti oħra li kkompetew miegħu għax-xogħol sagru fil-knejjes, fosthom Carlo Ignazio Cortis u Lazzaro Pisani li madanakollu fallew milli joffru kompetizzjoni denja għal Cali’. Mhux l-istess jista’ jingħad pero’ għall-pitturi Taljani li kienu qed jiġu Malta, li kienu ta’ ossessjoni kbira għall-artist.4 Dawn il-barranin, fosthom Filippo Venuti, Virgilio Monti u appuntu Attilio Palombi, sabu f’pajjiżna sezzjoni pjuttost kbira ta’ kummissjonanti li minkejja x-xogħol artistiku għoli li kien qed jipproduċi Cali’, xorta kienu jippreferu jafdaw il-pitturi li xtaqu f’idejn l-artisti Taljani. Diffiċli wieħed isib raġuni għal dan. Forsi minħabba li l-patruni tal-arti riedu nterpretazzjoni differenti tat-temi minn kif kien jagħmilhom il-pittur Malti, jew forsi kienu jemmnu u jaħsbu li l-barranin ser iġibu magħhom xi stil ġdid li jkun differenti minn kif kienu mdorrijin f’pajjiżna jew sempliċiment kellhom l-idea li l-artisti barranin kienu aktar kapaċi f’kemm dik li hi teknika u invenzjoni. Din kienet sitwazzjoni parallela ma’ dik tal-iskultura figurattiva sagra tal-perjodu li kellha bħala protagonisti l-istatwarji Maltin bħal Carlo Darmanin u Vincenzo Maria Cremona u l-vari li kienu qed jiġu mpurtati minn Franza u l-Italja. L-aktar persuna li magħha Cali’ għex sitwazzjonijiet mhux daqstant kalmi u paċifiċi kien Attilio Palombi, fejn minħabba kompetizzjoni għall-kummissjonijiet u/jew għax inzerta li tqabbad hu sabiex iħassar u jpitter fuq xogħol tal-pittur Malti, Cali’ spiċċa sabiex joqgħod għassa u aġġornat fuq dak li kien qed jiġri fiċ-ċrieki artistiċi lokali tal-perjodu ħalli kif jara jew jisma’ b’xi kummissjoni li kienet ser tingħata lil Palombi, huwa jara x’jagħmel sabiex joffri offerta aħjar u jieħu x-xogħol hu. Cali’ kien letteralment jirsisti u jiġġieled għall-ħobża tiegħu ta’ kuljum minħabba li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ familtu ma’ kienitx mill-aqwa. 3 Għal aktar informazzjoni fuq dan l‐artist u x‐xogħol li pproduċa, ara Emmanuel Fiorentino, Louis A. Grasso, Giuseppe Cali’ 1846‐1930, Malta 1991. 

4 E. Fiorentino, L.A. Grasso, Malta 1991, p.28, nota nru.33. 

Page 22: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

20 FESTA

Wieħed mill-aktar episodji sinjifikanti li juru l-pika li kien hemm bejn Cali’ u Palombi huwa dak tas-saqaf tal-knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Valletta. Hawnhekk, il-patrijiet kienu diġa’ ffirmaw kuntratt ma’ Palombi sabiex iwettaq xogħol ta’ pittura li turi l-Apoteożi ta’ San Franġisk – xogħol li tiegħu Palombi kien ippreżenta abbozz fl-1905. Meta Cali’ sar jaf b’dan, huwa ħass li seta’ jwettaq xogħol aħjar, b’aktar figuri u bi prezz orħos u għalhekk huwa ffirma dikjarazzjoni fejn fiha huwa offra s-servizzi tiegħu għal din il-kummissjoni bla ma għamel referenza għall-kuntratt li l-patrijiet kienu diġa’ ftehmu ma’ Palombi. Eventwalment, Cali’ rnexxielu jieħu l-kummissjoni hu minħabba l-kundizzjonijiet li ntrabat bihom – kundizzjonijiet li kienu tassew favorevoli għall-patrijiet.5 L-affarijiet mhux dejjem kienu favorevoli għalih madanakollu. Fl-1907 – l-istess sena meta ġie inawgurat is-saqaf fil-knisja tal-Franġiskani tal-Belt – Cali’ sofra daqqa ta’ ħarta meta Palombi ħassar waħda mill-aktar pitturi artistiċi li qatt kien għamel il-pittur Malti sa dak iż-żmien. Din kienet turi s-Sajda Mirakuluża tal-Ħut (1871) u kienet tpoġġiet fl-apside tal-kappella ta’ San Gejtanu fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Meta l-Kapitlu ta’ din il-knisja ddeċieda li jbiddel it-tema tas-saqaf minn episodji mill-ħajja ta’ Kristu għal episodji mill-ħajja ta’ San Pawl, huma qabbdu lil Palombi biex iwettaq dan ix-xogħol. Meta ġie għall-apside msemmija, huwa ma kellux għażla oħra ħlief dik li jpitter fuq ix-xogħol ta’ Cali’ – sitwazzjoni li kompliet għarrqet ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ artisti. Konklużjoni Dawn iż-żewġ episodji huma l-aktar każijiet li jistgħu jagħtu idea tar-rivalita’ li kienet teżisti bejn dawn iż-żewġ pitturi. Bla dubju, din il-pika wasslet sabiex kemm il-Malti u kemm it-Taljan jagħtu l-aqwa tal-kapaċitajiet tagħhom fil-kummissjonijiet li kienu jirċievu, bl-għan li jżidu l-popolarita’ tagħhom u b’hekk jikkapparaw aktar xogħol. Ir-riżultat ta’ dan kien ta’ ġid għall-arti Maltija għax ix-xogħlijiet li nħolqu bis-saħħa t’hekk sawwru kapitlu nteressanti u kurjuż fl-istorja tal-arti apparti li għamluha aktar sinjura. Huwa allura tassew ironiku li l-uniċi kwadri li nsibu fil-knisja parrokkjali f’ Ta’ Xbiex – knisja li hi għera minn dik li hi dekorazzjoni pittorika – huma xogħol ta’ Giuseppe Cali’ u Attilio Palombi: ir-rivali eterni li f’dan il-każ xogħolhom spiċċa ħdejn xulxin mingħajr polemiċi. Huma kwadri li huma xhieda tal-kapaċitajiet artistiċi ta’ dawn iż-żewġ pitturi kif ukoll kwadri li jirriflettu l-gosti Puristi u devozzjonali tal-poplu fis-seklu dsatax. Min iħares lejn dawn iż-żewġ xbihat, m’għandux japprezza dan biss iżda wkoll jirrifletti fuq l-isfond storiku u artistiku tal-artisti li ħolquhom u l-konnessjoni li kien hemm bejniethom.

5 Wara dan l‐episodju, Palombi tella’ l‐patrijiet Franġiskani l‐qorti talli ma rrispettawx il‐ftehim li kienu għamlu flimkien u ġustament rebaħ il‐każ: E.Fiorentino, L.A. Grasso, Malta 1991, p. 73.  

Page 23: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 21

IL-ĦADD 14 TA’ DIĊEMBRU 7.30PM Kunċert tal-Milied mill-Kor THE NEW CHORAL SINGERS 15 TA’ DIĊEMBRU SAT-23 TA’ DIĊEMBRU NOVENA TAL-MILIED

5.30PM RUŻARJU

6.00PM QUDDIESA bil-Kant u l-Omelija minn Patri Nerik Muscat o.c.d.

L-ERBGĦA 24 TA’ DIĊEMBRU LEJLET IL-MILIED

11.00PM Velja bil-kant tal-Milied bis-sehem tal-Abbatini u t-tfal tad-Duttrina mmexxija minn Suzanne u Louise Castelletti

12.00AM F’Nofsillejl Quddiesa Solenni tat-twelid tal-Mulej Ġesù li fiha ssir il-priedka tal-Milied minn Julian Marc Mizzi

Wara l-Quddiesa ikollna Refreshments Tea and Coffee fuq iz-zuntier imħejjija mill-Kummissjoni DJAKONIJA. Jekk it-temp ma jippermettix dawn isiru fuq fis-sala Parrokkjali. ATTIVITAJIET

IT-TLIETA 16 TA’ DIĊEMBRU CAROL SINGING mit-tfal li jattendu 5.00PM għall-klassijiet tal-katekiżmu fid-Dar tal-Anzjani Santa Katarina

IL-ĦAMIS 18 TA’ DIĊEMBRU PARTY TAL-MILIED għat-tfal li jattendu 4.00PM għall-klassijiet tal-katekiżmu

IS-SIBT 20 TA’ DIĊEMBRU BUFFET DINNER 8.00PM IL-ĦADD 28 TA’ DIĊEMBRU

INŻURU BETLEHEM F’GĦAJNSIELEM

Page 24: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

22 FESTA

Page 25: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 23

We have a dream......!

Hekk kien beda t-taħdita famuża tiegħu Martin Luther King. L-istess inħossu aħna li qed naħdmu fil-Leġjun ta’ Marija. Aħna għandna ħolma li nwaqqfu grupp ta’ żgħażagħ fil-parroċċa tagħna. Grupp b’differenza. Grupp li jkun jħossu jappartjeni mal-parroċċa. Grupp magħqud flimkien b’imħabba sinċiera Nisranija. Grupp li japprezza l-valuri Nsara. Grupp li jirrispetta lill-

proxxmu u mħarreġ biex jgħix ħajja Nisranija li twassal għal familji sodi. Tista’ tibqa’ sejjer, għax il-lista hija twila. Insomma aħna nixtiequ li dawn iż-żgħażagħ ikollhom iċ-ċans ikunu midħla tal-Kelma ta’ Alla u lesti biex jilqgħu l-isfidi tal-lum.

Tibqa’ veru skantat li meta tiġi biex tagħmel xi ħaġa ġdida fl-għalqa tal-Mulej, jibdew jinqalgħu l-irwiefen kollha biex din ma ssirx. Hawn nixtieq nirringrazzja lill-membri sħabi tal-legjun, b’mod speċjali lil Alice Mercieca u Norma Bezzina. Dawn ħadmu bis-sħiħ biex jiġbru t-tfal ta’ wara l-Griżma u jħeġġuhom jattendu. Il-bidu ta’ xi ħaga bħal din huwa ferm delikat. Kelma mhux f’lokha jew oħra żejda taf tnaffar lil dawn it-tfal li jkunu għaddejjin minn din l-età hekk kritika. Età meta persuna tkun qed tinbidel b’ritmu kostanti f’raġel jew mara adulta. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Kappillan u lill-Viċi-Kappillan talli tawna dan iċ-ċans u b’fiducja sħiħa ħadmu magħna biex inwaqqfu dan il-grupp. Hawn ma nistax ma nsemmix ukoll lil Fr. Alfred Debono OCD li offra s-servizz tiegħu biex ikun id-direttur spiritwali ta’ dawn l-adolexxenti.

Il-grupp se jkun iffurmat bħala parti mil-Leġjun ta’ Marija, imma b’differenza. Il-laqgħa tibda ssir kull ġimgħa fis-6.00 pm. Din tibda bit-talb tal-bidu tal-Leġjun u r-rużarju. Tinqara xi silta spiritwali. Jingħad ukoll il-Magnificat. Wara dan jiġi spjegat il-qari spiritwali u jingħad it-talb tal-aħħar. Dan m’għandux jeċċedi tliet kwarti ta’ siegħa. Wara dan se jkun hemm tliet kwarti ta’ siegħa ta’ logħob edukattiv. Hawn nixtiequ ndaħħlu wkoll il-kraft u forsi anke bidu ta’ xi snajja’. Biex nagħti eżempju, għandna membru li tixtieq tgħallem kif isir il-ganutell; membru ieħor lest jgħallem il-model engineering li jikkonsisti fil-bini ta’ ajruplani, karozzi jew dgħajjes żgħar li jaħdmu bir-radio control. Membru iehor offra l-mezz tiegħu tat-trasport biex isiru ħarġiet

edukattivi jew sempliċiment ta’ rikreazzjoni. Mhux eskluż li kultant żmien isiru visti lill-morda u lit-tfal anqas ixxortjati minnhom. Jinħass li jkun sabiħ li jsiru ħarġiet biex it-tfal jitgħallmu jirrispettaw in-natura u l-ambjent li jgħixu fih.

Page 26: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

24 FESTA

Inħossu illi f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, hemm bżonn urġenti biex tfal li jkunu għaddejin minn din l-età, jinżammu ‘l bogħod minn ambjenti li nistgħu nsejħulhom pagani. Tajjeb ukoll li nillimitawlhom il-ħin moħli quddiem xi moniter u li ħafna drabi jista’ wkoll jissejjaħ il-ġnien tax-xitan. Ħafna mil-ħażen fi żminijietna qed jiġi introdott lil dawn iż-żgħażagħ permezz tal-Internet. Iva, aħna nixtiequ li niġu mogħtija ċ-ċans li ngħaddu l-Kelma ta’ Alla lil dawn it-tfal b’mod

effikaċi u modern. Anzi permezz tax-xhieda tagħna nixtiequ nuruhom li l-ħajja Nisranija mhix ħajja monotona jew nieqsa mill-isfidi. Il-ħajja sinċiera Nisranija hija mill-isbaħ, eċċitanti u kollha sorpriżi.

Iva! Aħna għandna ħolma!!

Anthony Debono Legion Group b’differenza.

Page 27: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

FESTA 25

Page 28: Festa San Ġwann Tas-Salib 2014

PARROĊĊA SAN ĠWANN TAS-SALIB TA' XBIEX Novembru16, 2014

26 FESTA