8
Ft jiem ilu kont qed naqra arklu dwar kieba Amerikana li proprju f’Diċembru li ġej tagħlaq 10 snin mejta: Susan Sontag. Mill-isbaħ kliemha dwar l- ar tal-kitba u dwar il-kieb, kliem li hija qalet waqt lecture li tat fl-1992 fi New York, il-belt fejn twieldet u mietet. Meta tkellmet dwar x’għamilha kieba hija wieġbet li qabel ma bdiet kteb kienet qarrejja ferven, u dan sa minn età żgħira. Kienet taqra l-ħin kollu, u ammeet li matul ħajjitha hija iktar qrat milli għamlet ħwejjeġ oħra, inkluż l-irqad. Qrat medja ta’ 8 sa 10 sigħat kuljum, u dan minkejja li kienet tagħmel ukoll ħwejjeġ oħrajn. Sontag tgħid li l-qari ġabha wiċċ imb wiċċ ma’ ċer normi jew ideali. Għalhekk li tkun waħda minn dawk li jqiegħdu l- kliem fuq karta u jippubblikahom kienet għaliha l- iktar ħaġa glorjuża li wieħed seta’ jagħmel. Xi tgħid Sontag dwar il-kieb? Il-kieb jista’ jkun kemm raġel kif ukoll mara. Huwa dak li jagħ aenzjoni lid-dinja - fi kliemha, kieb hu osservatur professjonist. Li tkun kieb ifisser - u din hija l- kontradizzjoni - li dħol ġewwa, ngħalaq - mhux toħroġ - imma bqa’ d-dar il-ħin kollu meta kulħadd joħroġ jilgħab. “Kieb” f’dan il-każ ifisser xi ħadd li joħloq, jew jipprova joħloq, il-leeratura. U b’“leeratura” Sontag kienet isser kotba li jibqgħu jinqraw anki mi sena wara li jinkitbu. Għal Sontag keb li verament jiswa hu dak li taqrah għal ħames darbiet, anki iktar, keb li xeq jidħol fik u jsir par minn demmek. X’jagħmel il-kieb matul il-jum egħu? Sontag twieġeb li l-jum tal-kieb hu monotonu ħafna. Hija tqum filgħodu, tagħmel il-kafè, u bda taħdem. U bqa’ taħdem sakemm taqa’… Jum fil-ħajja ta’ kieb ifisser tqum filgħodu u kteb il-jum kollu, ġieli sat-3 jew l-4 ta’ filgħodu. Sontag tgħid ukoll li f’dinja maħkuma mill- kompjuters u mill-kultura diġitali hija ppreferi mxi iktar bil-mod u b’hekk kteb b’idha. Dan jagħha l- ħin biex taħseb. Il-kitba hi bħat-tpinġija, għandha mill-arġjanat. Teħeġ is-solitudni. Li tkun arst jew kieb ifisser li tkun ħaddiem tal-id f’era ta’ produzzjoni tal-massa. Għal Sontag biex tkun kieb trid tkun ossessjonat. Bosta jiktbu anki bħala avità arska, daqslikieku kienu jdoqqu xi strument mużikali. Imma jekk wieħed jixeq ikun kieb għal ħajtu jeħeġ ikun ilsir egħu nnifsu u fl-istess ħin dak li jassenja x-xogħol lilu nnifsu. Susan Sontag kitbet rumanzi, esejs, drammi u anki monografiji. Ħarġa numru 19: April, 2014 Editorjal

Il-Pont April 2014

Embed Size (px)

DESCRIPTION

Il-Pont (The Bridge) is an online literary magazine published monthly since October 2012. It's main language is Maltese, but poems in other languages - mainly English and Italian - are regularly included too. Il-Pont is intended to bring together writers and readers from all over the world.

Citation preview

Page 1: Il-Pont April 2014

Ftit jiem ilu kont qed naqra artiklu dwar kittieba Amerikana li proprju f’Diċembru li ġej tagħlaq 10 snin mejta: Susan Sontag. Mill-isbaħ kliemha dwar l-arti tal-kitba u dwar il-kittieb, kliem li hija qalet waqt lecture li tat fl-1992 fi New York, il-belt fejn twieldet u mietet.

Meta tkellmet dwar x’għamilha kittieba hija wieġbet li qabel ma bdiet tikteb kienet qarrejja ferventi, u dan sa minn età żgħira. Kienet taqra l-ħin kollu, u ammettiet li matul ħajjitha hija iktar qrat milli għamlet ħwejjeġ oħra, inkluż l-irqad. Qrat medja ta’ 8 sa 10 sigħat kuljum, u dan minkejja li kienet tagħmel ukoll ħwejjeġ oħrajn. Sontag tgħid li l-qari ġabha wiċċ imb wiċċ ma’ ċerti normi jew ideali. Għalhekk li tkun waħda minn dawk li jqiegħdu l-kliem fuq karta u jippubblikahom kienet għaliha l-iktar ħaġa glorjuża li wieħed seta’ jagħmel.

Xi tgħid Sontag dwar il-kittieb? Il-kittieb jista’ jkun kemm raġel kif ukoll mara. Huwa dak li jagħti attenzjoni lid-dinja - fi kliemha, kittieb hu osservatur professjonist. Li tkun kittieb ifisser - u din hija l-kontradizzjoni - li tidħol ġewwa, tingħalaq - mhux toħroġ - imma tibqa’ d-dar il-ħin kollu meta kulħadd joħroġ jilgħab.

“Kittieb” f’dan il-każ ifisser xi ħadd li joħloq, jew jipprova joħloq, il-letteratura. U b’“letteratura” Sontag kienet tfisser kotba li jibqgħu jinqraw anki

mitt sena wara li jinkitbu. Għal Sontag ktieb li verament jiswa hu dak li taqrah għal ħames darbiet, anki iktar, ktieb li tixtieq jidħol fik u jsir parti minn demmek.

X’jagħmel il-kittieb matul il-jum tiegħu? Sontag twieġeb li l-jum tal-kittieb hu monotonu ħafna. Hija tqum filgħodu, tagħmel il-kafè, u tibda taħdem. U tibqa’ taħdem sakemm taqa’… Jum fil-ħajja ta’ kittieb ifisser tqum filgħodu u tikteb il-jum kollu, ġieli sat-3 jew l-4 ta’ filgħodu.

Sontag tgħid ukoll li f’dinja maħkuma mill-kompjuters u mill-kultura diġitali hija tippreferi timxi iktar bil-mod u b’hekk tikteb b’idha. Dan jagħtiha l-ħin biex taħseb. Il-kitba hi bħat-tpinġija, għandha mill-artiġjanat. Teħtieġ is-solitudni. Li tkun artist jew kittieb ifisser li tkun ħaddiem tal-id f’era ta’ produzzjoni tal-massa.

Għal Sontag biex tkun kittieb trid tkun ossessjonat. Bosta jiktbu anki bħala attività artistika, daqslikieku kienu jdoqqu xi strument mużikali. Imma jekk wieħed jixtieq ikun kittieb għal ħajtu jeħtieġ ikun ilsir tiegħu nnifsu u fl-istess ħin dak li jassenja x-xogħol lilu nnifsu.

Susan Sontag kitbet rumanzi, esejs, drammi u anki monografiji.

Ħarġa numru 19: April, 2014

Editorjal

Page 2: Il-Pont April 2014

L-AĦBARIJIET IR-RIĊERKA TIEGĦI FIL-M.A.

Dan is-seminar ġie mtella’ mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università nhar is-27 ta’ Frar, f’Dar l-Istudent tal-Università ta’ Malta. Matulu ġew diskussi r-riċerka li qed issir fil-Malti fil-livell ta’ M.A, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-istudenti matul ir-riċerka tagħhom, x’ġegħelhom jagħżlu qasam partikolari, u kif qed jiksbu t-tagħrif li għandhom bżonn. L-istudenti li pparteċipaw kienu Mark Amaira, li tkellem dwar “Il-Kategoriji Grammatikali tal-Malti: in-nomi, il-verbi u l-aġġettivi”; Maria Simiana, li tkellmet dwar “Karattri frammentati fin-novella ta’ Immanuel Mifsud”; Reuben Farrugia, b’“Analiżi Akustika u Komparattiva tal-Vokali tad-Djalett Naduri u dak Sannati”; u Daniela Baldacchino, li tkellmet dwar “L-Arketipi fil-Poeżija ta’ Achille Mizzi”.

IMUT KITTIEB, POETA U MEMBRU TAL-GĦAQDA POETI MALTIN Għadu kemm ħalliena fl-1 ta' Marzu, Lino Grech, kittieb, poeta u membru attiv tal-Għaqda Poeti Maltin. Lino Grech twieled fl-1940. Studja s-Seminarju. Beda jaħdem maċ-Ċivil fl-1959 sakemm irtira fl-1996 minn Direttur Ġenerali Reġistratur tal-Qrati tal-Ġustizzja. Awtur ta’ għadd ta’ kotba fosthom: Ħajja ta’ Bniedem (ġabra ta’ 13-il novella bil-Malti); Non Omnis Moriar (ġabra ta’ 11-il novella bl-Ingliż); u Għerf il-Bniedem (ġabra ta’ 38 poeżija bil-Malti). Iggradwa fil-Maniġġjar tas-Sistemi Informatiċi meta kellu 56 sena. Agħtih Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Lino Grech waqt waħda mil-Lejliet ta’ Poeżija

organizzati mill-Għ.P.M.

IMNEDIJA ĠABRA POETIKA ĠDIDA FIL-PALAZZ TAL-PRESIDENT F’SANT’ANTON

Nhar it-Tnejn, 3 ta’ Marzu, fil-Palazz tal-President ta’ Malta f’Sant’Anton, ġiet imnedija l-ġabra ġdida tal-avukat, poeta u membru tal-Għ.P.M., Dr. Alfred Grech, Petali f’Wiċċ l-Ilma. Din il-lejla kienet taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta, Dr. George Abela. L-Għaqda Poeti Maltin fuq talba tal-istess Dr. Alfred Grech tat l-għajnuna kollha tagħha biex din it-tnedija setgħet issir. Il-lejla nfetħet b’diskors dwar il-ġabra poetika, miktub mill-president tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, diskors li nqara mill-assistent segretarju tal-istess Għaqda, is-Sur Charles Mifsud, minħabba li l-president kien indispost. Diskors ieħor dwar Petali f’Wiċċ l-Ilma sar mill-Prof. Oliver Friggieri, filwaqt li s-Sinjorina Lily Said qrat għadd ta’ poeżiji mill-istess ġabra poetika. Il-lejla kienet imżewqa mill-interventi mużikali tal-mużiċist u kantawtur, is-Sur Vince Fabri. Fi tmiem is-serata tkellem l-istess awtur u poeta, Dr. Alfred Grech, li fost oħrajn qal li matul ħajtu kiteb mijiet ta’ poeżiji u li issa li għandu bosta ħin liberu qed jiġborhom bil-mod il-mod. Is-sena 2013 rat il-pubblikazzjoni tal-ewwel ġabra poetika tiegħu Mix-Xefaq u Lil Hinn. Wara l-poeta Dr. Alfred Grech ippreżenta kopja ta’ Petali f’Wiċċ l-Ilma lill-Eċċellenza Tiegħu, il-President Dr. George Abela. Wara l-lejla mużiko-letterarja kien hemm riċeviment żgħir u min kien interessat seta’ jakkwista kopja ta’ Petali f’Wiċċ l-Ilma ffirmata mill-istess awtur.

TNEDIJA TA’ VOLUM DWAR MIKIEL ANTON VASSALLI

Fid-dawl taċ-ċelebrazzjonijiet tal-250 sena mit-twelid ta’ dan il-personaġġ, nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Marzu, saret it-tnedija tal-bijografija M.A. Vassalli (1764-1829) An enlightened Maltese reformer, miktuba mill-Prof. Frans Ciappara. Mikiel Anton Vassalli hu magħruf minn kulħadd bħala ħassieb u riformatur, daqskemm bħala ribell u studjuż, u anki Missier l-Ilsien Malti.

JITNIEDA FRAŻARJU RUSSU-MALTI-RUSSU

Nhar il-Ħamis 27 ta’ Marzu tnieda l-Frażarju Russu-Malti-Russu f’żewġ volumi ta’ Yana Psaila. Il-post fejn seħħet it-tnedija kien il-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Nifirħu lill-awtriċi għal dan ix-xogħol oriġinali u ta’ fejda.

Page 3: Il-Pont April 2014

L-AĦBARIJIET L-ILSIEN MALTI STUDJAT FIL-ĠERMANJA

Nafu li llum l-ilsien Malti huwa rikonuxxut bħala lsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa beda jiġi studjat fuq livell akkademiku fl-Università ta’ Bremen fil-Ġermanja fejn sentejn ilu fetaħ ċentru tal-Ilsien Malti u fejn lingwisti minn 17-il pajjiż u studenti Ġermaniżi u Ewropej qed jistudjaw u jirriċerkaw dwar din il-lingwa semitika b’alfabett Latin. Dan iċ-ċentru beda fi proġett bi sħab mal-Università ta’ Malta. Għandu ppjanat studju fuq id-djaletti Maltin. Għan ewlieni tiegħu hu li l-ilsien Malti jingħata l-importanza li tistħoqqlu fost l-ilsna Ewropej l-oħra. Intant l-Akkademja qed tappella lill-membri tagħha biex jgħinu lill-istudenti li qed jitgħallmu l-Malti fl-Università ta' Bremen billi jgħaddu kopji tal-pubblikazzjonijiet tagħhom għal dan iċ-Ċentru tar-Riżorsi. L-Akkademja se tieħu ħsieb li l-kotba jaslu Bremen fl-iqsar żmien possibbli. Se jkun ġest żgħir għal min ħaseb b'ġenerożità fl-ilsien Malti. WIRT MALTI – ĦREJJEF U MUŻIKA Bejn il-5 u s-17 ta’ Marzu, fil-Kavalier ta’ San Ġakbu u f’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti, ittellgħet attività divertenti u mimlija tagħrif dwar elementi kulturali Maltin. Din l-attività nqasmet f’żewġ taqsimiet: l-ewwel taqsima ħadet l-għamla ta’ taħdita minn Ruben Zahra dwar l-istrumenti tradizzjonali Maltin, u nkludiet wirja tal-istrumenti kif ukoll filmati dwar it-tradizzjoni mużikali Maltija. It-tieni taqsima kien jisimha Ħrejjef, u ħadet il-forma ta’ filmat 3D ta’ animazzjoni diġitali ta’ erba’ ħrejjef Maltin. Attività bħal din kienet immirata għall-istudenti tas-sekondarja tat-Tieni Sena. STUDJU KRITIKU FUQ IL-QARI TAL-KANTILENA Nhar it-28 ta’ Marzu, l-Akkademja kompliet tagħti sehemha biex ixxandar ir-riċerka ġdida li qed issir fuq il-Caxarijiet u l-Kantilena. Dan seħħ permezz ta’ taħdita minn Dr Bernard Micallef - il-kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università – dwar għadd ta’ mekkaniżmi letterarji li jikkonfermaw lill-Kantilena bħala, qabelxejn, esperjenza estetika li tkompli tiġġenera suġġerimenti ġodda ma’ kull qari. Il-post li ntagħżel kien Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta.

L-AKKADEMJA TAL-MALTI SSEMMA’ LEĦENHA L-Akkademja ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorità tax-Xandir rigward żewġ punti li qed jagħtu fastidju lil ħafna nies b’rabta mat-tħaddim tal-ilsien Malti fix-xandir: in-numri tat-telefown li fir-riklami bil-Malti qed jingħadu bl-Ingliż; il-fatt li waqt il-programm Valletta – Ilwien ta’ Belt qed jintuża l-ħin kollu l-isem “Valletta” flok “il-Belt” jew “il-Belt Valletta”. F’kuntest ieħor l-Akkademja ġibdet l-attenzjoni tas-Sinjurija Tiegħu l-Onorevoli Prim Imħallef Silvio Camilleri rigward il-bżonn li fil-Qrati tagħna l-Bibbja li fuqha l-Maltin jaħilfu tkun bil-Malti, aktar u aktar meta l-Malti hu l-ilsien uffiċjali tal-Qrati. Ta’ min ifakkar li teżisti l-edizzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija approvata mill-Knisja. IL-KANTILENA NNOMINATA BIEX TIĠI INKLUŻA FIL-LISTA TAL-WIRT DINJI L-eqdem kitba letterarja bil-Malti, Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru, ġiet innominata biex tkun parti mil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO. Lista bħal din għandha l-għan li tieħu ħsieb u tippreserva dokumenti ta’ valur li ħafna minnhom intilfu matul iż-żmien. Dan qalu l-ambaxxatur Malti għall-UNESCO, Joe Vella Gauci, fil-Mużew tal-Arkeoloġija. Il-lista tinkludi mat-300 dokument minn 100 pajjiż differenti. Ir-rikonoxximent tal-Kantilena se jgħin biex aspetti tal-ilsien Malti jiġu rikonoxxuti bħala Wirt Dinji Ħaj fil-lista bl-isem ta’ Masterpieces of the Oral and Intangible Heritage of Humanity. Id-dokument oriġinali tal-Kantilena jinsab fl-Arkivji Notarili fil-Belt Valletta.

Page 4: Il-Pont April 2014

Anthony Farrugia twieled iż-Żurrieq u wara li attenda l-iskola Primarja taż-Zurrieq kompla l-edukazzjoni sekondarja fil-kulleġġ De La Salle, fejn kien ta bidu għall-karriera tiegħu bħala għalliem. Wara li fl-1971 temm b’suċċess Borża ta’ Studju fil-Kummerċ u Studji

Segretarjali ġie impjegat bħala Lecturer Grade ‘B’ fil-Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Fl-1979 Anthony Farrugia nħatar bħala Kap tal-Iskola Segretarjali, Sir Hannibal Scicluna, u baqa’ jżomm din il-kariga sakemm irtira fl-1996. Wara tnax-il sena bħala Kunsillier fil-Lokal ta’ Ħaż-Żabbar, b’rikonoxximent għas-sehem tiegħu, il-Kunsill onorah bl-għotja ĠIEĦ ĦAŻ-ZABBAR. Anthony Farrugia huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin kif ukoll tal-Kunsill Ċiviku ta’ Haż-Żabbar. Jieħu sehem f’xogħol letterarju u qari ta’ poeżiji fil-laqgħa ta’ kull xahar li ssir mill-Kikkra Kulturali tal-istess belt. Meta u fejn twelidt? X’tiftakar l-iktar minn jiem tfulitek? Kemm kien u għadu importanti raħal twelidek f’ħajtek u f’kitbietek? Twelidt fl-1 ta’ Ġunju 1935 fiż-Żurrieq u bqajt ngħix hemm sakemm kelli 22 sena, meta żżewwiġt lil Anġela Agius u mort noqgħod Ħaż-Żabbar fejn għadni noqgħod sallum. Raħal twelidi ma ninsih qatt għax fih għext l-aħjar żmien ta’ ħajti. Villaġġ fejn dak iż-żmien tista’ tgħid li kulħadd kien midħla ta’ xulxin, għax ir-residenti kienu jgħoddu biss ftit eluf u għax kien hemm nuqqas ta’ attivitajiet jew waqtiet fejn wieħed kien seta’ jedha. Biss, biex ngħidu hekk, it-teatrin li xi kumpaniji tal-lokal kienu jtellgħu, kien iservi ta’ mezz ta’ divertiment lil individwi kif ukoll lil familji sħaħ. Fi żmieni, bħala żagħżugħ, aktar kont issibni l-Mużew jew l-Azzjoni Kattolika, jew f’xi wieħed mill-każini tal-Baned. Illum mod ieħor, ħafna opportunitajiet ta’ attivitajiet ta’ sport, drama, politika, reliġjon, u fuq kollox il-faxxinu tal-elettronika.

Tant ma nistax ninsa liż-Żurrieq, il-post fejn twelidt, li ma nqastx li nsemmi u anki niddeskrivi xi postijiet partikulari fiż-żewġ Rumanzi li ppubblikajt, bħal Wied iż-Żurrieq, Wied Babu, taħt ir-raħal u naħiet oħra magħrufin għall-ġmiel naturali tagħhom. Anki fil-poeżija ma nqastx li nikteb poeżija fuq Filfla, u oħra fuq l-irdieden tal-ilma li għad hemm fil-post magħruf minna bħala ‘taħt ir-raħal’. Liema huma l-kotba li ppubblikajt s’issa? Għandek xi wieħed iktar għal qalbek minn oħrajn? Għaliex? Fost il-kitba tiegħi hemm xi poeżiji li dehru fil-fuljett Versi li toħroġ l-Għaqda Poeti Maltin u żewġ rumanzi li ppubblikajt bl-isem ta’ Meta l-Imħabba ma tmutx mitbuq minn Horizons u Fjuri fir-riħ mitbuq mill-Veritas Press. L-ewwel rumanz huwa l-aktar għal qalbi għax bih dħalt b’modestja kbira mal-massa ta’ kittieba u poeti li b’ħila liema bħalha iżommu ħaj Ilsien Pajjiżna. Għal min hija mmirata l-kitba tiegħek? Xi tgħid dwar min juża lingwaġġ laxk u jikteb biex joħloq biss sensazzjoni? S’issa ktibt għal dawk kollha li jixtiequ jkollhom f’idejhom x’jaqraw, miktub bi stil ħafif u mexxej. Inħobb indaħħal ħafna konversazzjoni għax nemmen li l-qarrej jedha jimmaġina ruħu li jkun qiegħed jieħu sehem f’dak li jkun qiegħed jaqra. Deskrizzjoni ta’ xi xena ta’ ġmiel naturali tal-kampanja Maltija, m’għandniex xi ngħidu, ma tonqosx. Fil-kitba tiegħi ġeneralment ma nintrabat ma’ xejn ħlief f’każijiet fejn ma tkunx tista’ taħrab mit-tiġrib personali. Imma fil-poeżija donni bla ma rrid, nidħol f’waqtiet ta’ ferħ jew diqa meta ħsibijieti jerġgħu jagħmluni ‘tifel’. Imbagħad hemm kittieba li jogħxew f’kitba kemxejn laxka waqt li oħrajn iħossu li għandhom jaqbżu l-limitu. Il-qarrej għandu jkun rispettat u kull kittieb għandu d-dover li jġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li jikteb. Il-liġi taċ-ċensura m’għadhiex li kienet, u allura dan jista’ jagħti lok għal min kien laxk, jabbuża u jsir laxk iżjed minn qabel. L-għażla finali ta’ x’wieħed jaqra tibqa’ tal-qarrej innifsu. L-intervista sħiħa tista’ tinqara fil-ħolqa: http://patrickjsammut.blogspot.com/2014/04/intervistat-anthony-farrugia-kittieb-u.html

L-INTERVISTA Anthony Farrugia

Page 5: Il-Pont April 2014

(Stazzjon tar-Radju lokali – waqt breakfast show. DJ Nonny għadu kif temm idoqq diska storbjuża u bla sens)

DJ: Mela, wara dik il-hit eċċezzjonali tal-grupp Crappers ngħaddu għall-kompetizzjoni tal-lum. Infakkarkom li min jaqta’ l-mistoqsija li se nagħmillu jirbaħ flixkun ilma żgħir mingħand JC Minerals ta’ Ħal-Safi. Mela… (idoqq it-telefon) Ħalli naraw min għandna fuq il-linja… Hello? Leħen ta’ mara: (maħnuq u mbiegħed) Allo? DJ: Hello? Għidli… qed nisimgħek… Mara: Allo? DJ: Sinjura, baxxi ftit ir-radju għax m’inix nisimgħek. Mara: (lil xi ħadd qrib) Iva baxxi dak ir-rejdjow, għax almadonni minix nisma’… Allo? DJ: Hekk aħjar sinjura… Mara: Allo? Qed tismagħni? DJ: Iva, sinjura. Bonġu. Min inti? Mara: U ajma, ġej b’sinjura dalgħodu! M’għaraftnix, Nonny, qalbi? DJ: (taparsi mistagħġeb) Ċensina! Mara: U x’Ċensina ta’ papas ommok. Nena jien, oħt is-Suffaru… Mela nsejtni qalbi… daqskemm inċempillek! DJ: (taparsi jiftakarha) Ah! Iva, Nena, kif inti Nen? X’inti tagħmel sabiħ? Nena: Isma’, xi tridni nagħmel? Qiegħda nsajjar, Nonny ruħi… DJ: X’inti ssajjar sabiħ għid? Nena: Qed nagħmel naq’a minestra… DJ: Ah… qed inxommha tfuħ minn hawn ta’…(jidħak sfurzat). Waħdek qiegħda, Nen, ħa’ niġi nieħu naqra? Nena: (tidħak) Le, hawn ir-raġel ħdejja. Ilum ma marx għax-xogħol, u qiegħed hawn, ma’ saqajja…Insomma, ara kif tkellimni ta’… għax taf kemm jgħir hux dal-ballottru l’għandi! (tidħak kemm tiflaħ) DJ: Imn’Alla għidtli, ħa’ noqgħod attent. (jitqanżaħ jidħak hu ukoll) Nena: U le, ma jgħidlek xejn miskin; ara x’jidħak, ja qanfud li hu… DJ: (jidħak) Insomma Nen, lesta biex twieġeb il-mistoqsija li se nagħmillek? Nena: U żgur li lesta. Imma ttihilix tqila taf… DJ: U le… mhix tqila. Ismagħha: dan annimal b’erba’ saqajn. U tajjeb ħafna stuffat… Isa, x’inhu? Nena: Hi kemm hi tqila, Madonna… issa jien naf….

(taħsibha) Ħmar? DJ: Ejja Nen, il-ħmar nagħmluh stuffat? (jidħak) Nena: U jien naf. Mela x’illalleċ hu, żiemel? DJ: Le, mhux żiemel! Nena: Nista’ nsaqsi r-raġel? DJ: U mela le… (tgedwid) Nena: Ma nafx ta’ … lanqas dal-għaġeb l’għandi ma jaf! Serduk? DJ: Serduk b’erba’ saqajn, Nen? U ejja… isa, aħseb. Nena: Ma nafx ta’, kemm tajthieli tqila almadonni… xi majjal? DJ: Le, mhux majjal. Ara ħa’ ngħinek ftit. Dan għandu widnejh twal u fl-Imnarja tgħidx kemm nikluh moqli bit-tewm il-Buskett… Nena: Ma nafx ta’… (lil żewġha) Iva għinni naqra int, qisek l-iċċassat… (tgedwid) Xi gidi? DJ: Le, mhux gidi lanqas. Isa, aħseb… Ħa’ nkompli ngħinek: dan hu kunjom Malti wkoll. Isa, Nen…Anzi, hu kunjom ta’ Ministru! Nena: U jien naf…Borg? DJ: (jibda jitlef it-tempra) Le, jaħasra Nen. Mhux Borg. Isa… annimal b’widnejh twal… Ftakar f’Bugs Bunny. Nena: Ma nafx… Mickey Mouse? DJ: (se jisplodi) Le, Nen… mhux Mickey Mouse. Mickey Mouse ġurdien u dan l-annimal li semmejtlek iħobb iż-żunnarija. Isa… Nena: Allura seww’għidtlek: Ħmar. DJ: Le, mhux ħmar… mhux ħmar. Jiddispjaċini, se jkolli naqtagħlek. Nena: X’tagħmel, taqtagħli? Mela aħna nħallsu l-liċenzja ta’ xejn, x’kull waħda! DJ: Kollox sew, se ntik minuta oħra, imbagħad ikolli naqtagħlek. Liema hu dak l-annimal b’erba’ saqajn, b’widnejh twal, nagħmluh stuffat, nikluh fl-Imnarja, hu kunjom Malti u hu tal-istess razza ta’ Bugs Bunny? Nena: Bugs Bunny mhux Mickey Mouse? DJ: Le, Nen, mhuwiex Mickey Mouse… Nena: Almadonni ma nafx mela… xi dundjan? (DJ Nonny jsabbat it-telefon b’dagħwa minn taħt l-ilsien…) Nena: (irrabjata) Allo! Allo! Qata’ rajtu, ja mherri…Nirr’Alla jġiddmu! (Fuq l-isfond ta’ aktar kliem ħażin, DJ Nonny idoqq song oħra, aktar storbjuża u bla sens minn ta’ qalbilha).

U JEKK MA TIBKIX... Alfred Palma

Page 6: Il-Pont April 2014

Naħseb li hemm xi ħadd fostkom li jiftakar lil Tereża tal-klieb. Aktarx li kienet toqgħod xi mkien l-Imsida, imma li ta’ kuljum preċett, bil-Ħdud b’kollox, kienet tgħaddi tul is-sigħat ta’ filgħodu kemm fix-xemx tisreġ tas-sajf u kemm fil-kesħa u x-xita tax-xitwa minn kull triq tal-Gżira u ta’ Xbiex, biex tiġbor fdal tal-ikel għall-klieb. Ma tiddejjaq xejn tqalleb il-bramel taż-żibel, li konna nużaw dak iż-żmien, biex minnhom tagħżel xi għadma jew farka ħobż niexfa, inkella xi fdal ta’ tisjir. Wara terġa’ tħalli kollox bil-galbu kif sabitu. Kienu s-snin ta’ bejn nofs is-Sittinijiet u l-bidu tat-Tmeninijiet.

Qatt ma qaltilna sew kemm kellha klieb, imma żgur li kienet mitlufa warajhom; għalihom kienet itterraq, tittallab u tqandel. F’idejha kien ikollha tgħidx kemm il-borża tal-karti, plastik jew drapp, drabi wkoll xi landa tal-kunserva kbira jew barmil imsaddad għax hi mill-ewwel kienet tqiegħed il-fdalijiet fil-post merfugħ apposta għalihom. Drabi kont niċċassa nħares lejha biex nipprova nifhem b’liema sigriet ta’ bilanċ jirnexxilha żżomm fuq riġlejja u ma tegħlibx taħt dak it-toqol li ġġorr.

Naqtagħha li kellha fuq is-sittin sena. Ta’ statura żgħira, niexfa għuda, xagħarha twil griż miżmum f’toppu waqt li bżiebeż wkoll jiġġerrew fuq wiċċha u wara widnejha. Wiċċ żgħir mgħaddam u mkemmex, ħalqha nofsu bla snien. Liebsa dejjem imlaqqat, dublett twil li fuqu flokk li kien ilu li ħareġ mill-fabbrika għax saħansitra mqatta’ u mraqqa’. Karkur dieħel u ħiereġ minn saqajha, li kienet tibdel spiss. Jista’ jkun li kienet

tiġbor dawn ukoll minn xi landa taż-żibel.

Dejjem bi tbissima, l-aktar jekk tilħaq tidrak u li jkollok spiss xi ħaġa lesta għall-għeżież klieb imqar jekk tkun kisra ħobż iebsa. U ma tonqos qatt dik il-kelma ta’ ringrazzjament, il-‘grazzi’ u t-tbissima – li kważi bilkemm tistennihom minn mara hekk fqira u aktarx bla skola. Ħafna minna konna niggustawha, mhux biss, konna ftehemna magħha li malli tasal tiftaħ l-antiporta u tgħajjat “Tereża tal-klieb!” għax ma

stajniex inħallu l-ikel barra inkella klieb oħra jsibuh qabilha. Iva, ikolli nammetti li wara li titlaq hi kien ikollna naħslu l-pum tal-antiporta mit-tidlik li tħalli warajha.

U tant kienet minfuħa

b’dak l-isem ta’ “Tereża tal-klieb” daqs li kieku kienet qed tħabbar bit-titolu ta’ “Il-Barunissa ta’ Bubaqra”! B’dankollu qisha kienet iġġorr il-ferħ minn fuq għatba għall-oħra. Min jitbissem għax jiggustaha u min qisu bilkemm ma jridx jgħaddiha biż-żmien. Mhux l-ewwel wieħed li xtaq jgħaddiha biż-żmien u jsejħilha: Xiħa żmagata!

B’dankollu żgur li f’qalbha kellha l-imħabba ... ukoll jekk għal gozz klieb mitluqin u mejtin bil-ġuħ. Mhux għalkemm tifhimha, għax l-imħabba hija l-akbar misteru tal-ħajja!

TEREŻA TAL-KLIEB Lina Brockdorff

Page 7: Il-Pont April 2014

MA RRIDX Ma rridx gwerra, paċi iżda nixtieq jien ma’ kullimkien. Ma rridx ġlied, tixrid ta’ dmija, iżda sliem għal bosta żmien. Ma rridx ġlied u tfigħ ta’ bombi, ajruplani fis-smewwiet biex inisslu dmugħ u qerda, firda u għelt, u bosta mwiet. Ma rridx ħsieb jgħawwar lil moħħi, ma rridx lejl jinbidel f’nhar; għax bl-inkwiet ma nistax norqod, għax tal-gwerra jfittx l-imrar. Ma rridx tfal ibatu aktar għax bil-mewt, ħajja tintemm taħfen l-omm ħesrem b’dufrejha jaħkmu biss l-uġigħ u l-hemm. Ma rridx nara iġsma mtertqa, għelt, spjunaġġ, dmija mxerrdin, iżda PAĊI qis li ssaltan fil-qlub kollha tal-bnedmin. Ma rridx armi velenużi li jeqirdu ħafna nies bla xejn ħtija, bosta ħsara żgur li jġibu, dawn bla qies. Hekk id-dinja ssib is-sliema, hekk kulħadd isib is-serħ. Ngħixu żgur b’rasna mistrieħa u f’kull qalb jgħammar il-ferħ.

MARY GRACE CARUANA

QUDDIEM L-ARTAL TAL-KATIDRAL Bierek kbir Alla, iċ-ċkejkna gżira tagħna, ħarisha minn kull hemm fiż-żmien ġejjieni, għannaqha miegħek, ibqa’ dejjem magħna biex le jiddgħajjef dak li tajtna kmieni. Tħallix is-semm, jekk jixref mal-barrani imarrad id-drawwiet tas-snin bikrija, fewweġ is-sliem, fi triq l-amar nisrani, karba ħerqana minn qiegħ ruħ Maltija. Żommha żonqrija fid-dehen minn ta’ dari, diwi tas-siwi ta’ missirijietna,

tama u mħabba fi qlub ġensna aħħari biex għada jżernaq isbaħ għal uliedna. U ferrex f’artna dawl is-sema u dija, u n-nisġa ta’ kull ġid bis-sew mogħnija.

JOE ZAMMIT TABONA

MALAYSIA PLANE March 7th 2014 Silent terrorism took victims to the bottom of the sea. We are astonished and hurting with the families of passengers and the crew of the fatal Boeing 370 which was supposed to fly from Malaysia to Beijing. May they have died sleeping and now rest in the waters of the Indian Ocean. However I keep thinking of another terrorist plane sent by the United States of America which tragic anniversary will be remembered August 6th and 9th; and the atomic bomb launched on Hiroshima and Nagasaki, 1945 killing instantly more than 140,000 people. 69 years after that act of terrorism from one country against the people of another country, innocent victims are still dying from the effects of the radiation. We should not compare, but I am still thinking because it is impossible to forget.

TERESINKA PEREIRA Stati Uniti

RIPETIZZJONI GĦAL DARB’OĦRA L-ebda maltemp did-darba, l-ebda sħab x’jitpinġa fuq it-tila tal-moħħ. Il-kwiekeb li jitwieldu mill-ġdid mal-wasla ta’ lejla nġazzata - dawn biss jagħtu wens lill-ħolma solitarja mibnija fuq nofs tbissima.

LILLIAN SCIBERRAS (minn Klessidra, Versi ta’ żmien maħrub, Horizons, 2014)

IL-POEŻIJI

Page 8: Il-Pont April 2014

MINN FUQ L-IXKAFFA

IL-PROFETA—DRAMM F’ENDEKASILLABI FI TLIET ATTI U EPILOGU ta’ Karmenu Mallia, 2011

Hija tradizzjoni lokali dik li għall-perijodu tal-Għid jinkitbu għadd ta’ drammi tal-Passjoni. Dan ta’ Karmenu Mallia huwa wieħed minnhom, imma din id-darba hemm id-dixxiplina u l-mużikalità tal-endekasillabu, il-vers tar-riflessjoni. It-tliet atti u epilogu jinfirxu fuq 90 paġna. Mallia jidħol sewwa fl-isfond politiko-soċjali tal-epoka li dwarha qed jikteb, fosthom it-tolleranza ta’ twemmin differenti min-naħa tar-Rumani, ċertu nuqqas ta’ qbil bejn il-Lhud stess, in-nuqqas ta’ fiduċja bejn Rumani u Lhud, u s-saħħa tas-Sinedriju. Nassistu wkoll għal djalogi bejn personaġġi nisa bħar-Rumana Prokula (li sservi anki bħala leħen il-kuxjenza ta’ żewġha Pilatu) u Marija, omm Ġesù. Dawn il-personaġġi jingħataw rwol importanti fid-dramm preżenti. Il-lingwa li juża Mallia hija waħda li tibbilanċja bejn l-użu ta’ elementi tal-Malti safi u oħrajn tal-Malti Romanz. Dan ta’ Karmenu Mallia hu dramm li żgur jinżel għasel mal-qarrejja.

ORATORJU B’TIFKIRA F’GĦELUQ IL-50 SENA MILL-MIĠJA TAL-PATRIJIET FRANĠISKANI KAPUĊĊINI F’GĦAJN DWIELI ta’ Carmel Bianchi, 2003.

L-oratorju huwa xogħol mużikali ta’ xeħta reliġjuża għal kor, solisti u orkestra. L-oriġni tal-oratorju, xogħol mużikali li fih il-poeżija tiġi kantata, tinsab fid-dramm tal-misteri u tal-mirakli li kienu jsiru fil-Medjuevu, kif ukoll fis-salmi u fil-lawdi kantati. Dan fi kliem il-Prof. Oliver Friggieri. F’dan l-Oratorju Carmel Bianchi jiżvolġi tajjeb ferm il-ħidma tal-Patrijiet Kapuċċini, ulied Franġisku t’Assisi, taħt il-patroċinju u l-ħarsien tal-qaddis protettur tal-knisja ta’ Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid, Sant’Antnin ta’ Padova u ta’ Marija Immakulata, il-patruna tal-Ordni tal-Franġiskani. Dan l-Oratorju li jinqasam fi tnax-il parti hu miktub fil-biċċa l-kbira tiegħu fi kwartina (ftit iktar minn 130 waħda) bir-rima mqabbża u l-versi jvarjaw fit-tul: fosthom ottonarji, dekasillabi, u doppji senarji. Carmel Bianchi hu wkoll kittieb ta’ novelli, poeżiji u radjudrammi. Ix-xogħlijiet tiegħu xxandru fuq il-mezzi kollha tax-xandir u jolqtu l-iktar lil min iħobb il-kitba ta’ xejra sentimentali.

KLESSIDRA ta’ Lillian Sciberras, Horizons, 2014.

F’dan il-ktejjeb ta’ 112-il paġna l-poetessa tirrifetti fuq iż-żmien li tar darba għal dejjem, ħaj biss fil-memorji miktuba jew f’xi bitħa mbiegħda tat-tfulija. Hawn jinġabru flimkien ħsibijiet u emozzjonijiet mis-snin sebgħin sal-lum—djarju li jirrakkonta ħajja personali ta’ episodji ta’ mħabba, ta’ niket u telfien, tal-isbaħ jiem tal-ħajja, kif ukoll ta’ rabja fejn din tkun meħtieġa. Il-versi ta’ Lillian Sciberras jixtarru l-univers dejjiemi b’mistoqsijiet dwar postna ġewwa fih. Jiċċelebraw ukoll is-seħer ta’ ħolqien li, għalkemm mifrux kullimkien madwarna, mhux dejjem lesti nindunaw li jekk ma noqogħdux attenti nispiċċaw nitilfuh. KLESSIDRA jiġbor fih ftit inqas minn ħamsin poeżija (uħud minnhom meħudin mill-ġabra Wara r-Repubblika tal-1979, koawturata ma’ Mario Vella) u għandu daħla kritika ta’ Dr Adrian Grima bl-isem ta’ ʺKaxxi umdi tat-tfulijaʺ. Lillian Sciberras hija leħen femminili ewlieni ieħor fil-qasam tal-poeżija kontemporanja.