8
B ħalma bosta jiktbuli, din ir-rivista li jiena ħriġt darba kull 30 jum għal dawn l-aħħar 21 xahar rrikjedi bosta ħin, riċerka u sagrifiċċju personali. Iktar kemm qed jgħaddi ż-żmien iktar in-numru tal-qarrejja qed jikber, u dan bis-saħħa ta’ min jirċeviha u jerġa’ jgħaddiha lill-kunta egħu, biex anki dawn jerġgħu jagħmlu l-istess bil-kunta tagħhom. Għalija dan huwa sodisfazzjon kbir, bħalma sodisfazzjonijiet oħrajn huma l-kontribu minn kieba differen li jintbagħtuli regolarment, il-kummen ta’ kuraġġ u apprezzament, u anki l-pubblikazzjonijiet li jgħadduli - narrava, poeżija, krika, u oħrajn - biex jiġu mberrħa fil-vetrina ta’ din ir-rivista leerarja ċkejkna online. Min-naħa egħi Il-Pont lili jgħini nżomm ruħi kemm jista’ jkun aġġornat ma’ dak li għaddej fid-dinja tal- leeratura, kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi usa’. Jgħini nżomm u nkabbar il-kunta egħi ma’ kieba differen, żgħar u kbar, magħrufa u inqas magħrufa, Maln, emigra u anki barranin. Jgħini nagħraf ukoll x’enerġija inkredibbli għaddejja minn taħt f’dan il-pajjiż hekk ċkejken f’rabta ma’ qasam li spiss huwa mogħ l- ġenb kemm mill-awtoritajiet kif ukoll mill-mezzi tal- komunikazzjoni, jew inkella mhux mogħ l-ispazju mistħoqq. U din l-enerġija inkredibbli qiegħda f’idejn ſtit individwi - u anki għaqdiet speċjalizza - li anki huma jagħmlu sagrifiċċji kbar f’isem l-imħabba tagħhom lejn id-dinja tal-leeratura, minkejja li anki f’din l-għalqa ssib min jagħmel il-bsaten fir-ro għax maħkum mill- ambizzjonijiet personali jew moħħu biss fil-pożi. Xahar wara xahar ngħaddi ħinijiet twal nagħżel liema aħbarijiet se ninkludi li jikkonċernaw il-qasam tal- leeratura u kif qed taraw, bosta drabi ż-żewġ paġni msemmija jimtlew b’aħbarijiet marbun ma’ avitajiet jew avvenimen li seħħew fi xtutna biss, bla ma nagħmel l-ebda referenza għal aħbarijiet simili li jmorru lil hinn, anki jekk kontra qalbi. Dan huwa pożiv tassew għax juri proprju dak li għadni kemm kbt: li l-interess fil-keb, fil-wirt leerarju lokali, imma anki fil-leeratura u l-kultura in ġenerali qiegħed dejjem jiżdied tant li s-sera li qed jiellgħu minn entajiet differen qed ikunu ippakkja minn nies li jinteressahom dan il-qasam. Dan kollu jkompli jagħ kuraġġ lil dawk kollha li huma involu fil-qasam tar-riċerka u anki f’dak tal- organizzazzjoni ta’ okkażjonijiet bħal dawn. U issa li l- ġurnata twalet żgur li l-pubbliku se jkompli jżid fl- apprezzament u fil-preżenza egħu waqt lejliet bħal dawn. Minn hawn nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li joffru anki l-ispazji - Ministeri, libreriji u biblijoteki, swali priva, kunsilli lokali, ċentri ta’ kultura, u skejjel - fejn dawn l-avvenimen jkunu jistgħu jiellgħu f’atmosfera li lqgħek u tgħinek issegwi b’interess dak kollu li jkun għaddej. Ħajr ukoll lil kull min permezz tal- mezzi egħu jgħarraf lill-pubbliku dwar avvemimen ta’ dan it-p. [email protected] Ħarġa numru 21: Ġunju, 2014 Editorjal

Il-Pont Gunju 2014

Embed Size (px)

DESCRIPTION

Il-Pont (The Bridge) is an online literary magazine published monthly since October 2012. It's main language is Maltese, but poems in other languages - mainly English and Italian - are regularly included too. Il-Pont is intended to bring together writers and readers from all over the world.

Citation preview

Page 1: Il-Pont Gunju 2014

B ħalma bosta jiktbuli, din ir-rivista li jiena ħriġt darba kull 30 jum għal dawn l-aħħar 21 xahar tirrikjedi bosta ħin, riċerka u sagrifiċċju personali. Iktar kemm qed jgħaddi ż-żmien

iktar in-numru tal-qarrejja qed jikber, u dan bis-saħħa ta’ min jirċeviha u jerġa’ jgħaddiha lill-kuntatti tiegħu, biex anki dawn jerġgħu jagħmlu l-istess bil-kuntatti tagħhom. Għalija dan huwa sodisfazzjon kbir, bħalma sodisfazzjonijiet oħrajn huma l-kontributi minn kittieba differenti li jintbagħtuli regolarment, il-kummenti ta’ kuraġġ u apprezzament, u anki l-pubblikazzjonijiet li jgħadduli - narrattiva, poeżija, kritika, u oħrajn - biex jiġu mberrħa fil-vetrina ta’ din ir-rivista letterarja ċkejkna online.

Min-naħa tiegħi Il-Pont lili jgħini nżomm ruħi kemm jista’ jkun aġġornat ma’ dak li għaddej fid-dinja tal-letteratura, kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi usa’. Jgħini nżomm u nkabbar il-kuntatti tiegħi ma’ kittieba differenti, żgħar u kbar, magħrufa u inqas magħrufa, Maltin, emigrati u anki barranin. Jgħini nagħraf ukoll x’enerġija inkredibbli għaddejja minn taħt f’dan il-pajjiż hekk ċkejken f’rabta ma’ qasam li spiss huwa mogħti l-ġenb kemm mill-awtoritajiet kif ukoll mill-mezzi tal-komunikazzjoni, jew inkella mhux mogħti l-ispazju mistħoqq. U din l-enerġija inkredibbli qiegħda f’idejn ftit individwi - u anki għaqdiet speċjalizzati - li anki huma jagħmlu sagrifiċċji kbar f’isem l-imħabba tagħhom lejn id-dinja tal-letteratura, minkejja li anki f’din l-għalqa ssib min jagħmel il-bsaten fir-roti għax maħkum mill-ambizzjonijiet personali jew moħħu biss fil-pożi.

Xahar wara xahar ngħaddi ħinijiet twal nagħżel liema aħbarijiet se ninkludi li jikkonċernaw il-qasam tal-letteratura u kif qed taraw, bosta drabi ż-żewġ paġni msemmija jimtlew b’aħbarijiet marbutin ma’ attivitajiet jew avvenimenti li seħħew fi xtutna biss, bla ma nagħmel l-ebda referenza għal aħbarijiet simili li jmorru lil hinn, anki jekk kontra qalbi. Dan huwa pożittiv tassew għax juri proprju dak li għadni kemm ktibt: li l-interess fil-ktieb, fil-wirt letterarju lokali, imma anki fil-letteratura u l-kultura in ġenerali qiegħed dejjem jiżdied tant li s-serati li qed jittellgħu minn entitajiet differenti qed ikunu ippakkjati minn nies li jinteressahom dan il-qasam.

Dan kollu jkompli jagħti kuraġġ lil dawk kollha li huma involuti fil-qasam tar-riċerka u anki f’dak tal-organizzazzjoni ta’ okkażjonijiet bħal dawn. U issa li l-ġurnata twalet żgur li l-pubbliku se jkompli jżid fl-apprezzament u fil-preżenza tiegħu waqt lejliet bħal dawn. Minn hawn nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li joffru anki l-ispazji - Ministeri, libreriji u biblijoteki, swali privati, kunsilli lokali, ċentri ta’ kultura, u skejjel - fejn dawn l-avvenimenti jkunu jistgħu jittellgħu f’atmosfera li tilqgħek u tgħinek issegwi b’interess dak kollu li jkun għaddej. Ħajr ukoll lil kull min permezz tal-mezzi tiegħu jgħarraf lill-pubbliku dwar avvemimenti ta’ dan it-tip.

[email protected]

Ħarġa numru 21: Ġunju, 2014

Editorjal

Page 2: Il-Pont Gunju 2014

L-AĦBARIJIET ID-DRAMM ĊITTADIN VASSALLI FIT-TEATRU MANOEL Nhar il-11, 12 u 13 ta’ April ittella’ d-dramm Ċittadin Vassalli f’rabta mal-250 anniversarju mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli. Id-dramm kien adattat minn Tyrone Grima u dirett minn Mario Philip Azzopardi, b’kast mill-aqwa. Fid-dramm Vassalli jfakkarna li anki llum hemm bżonn kbir li nibżgħu għall-identità nazzjonali tagħna minkejja li aħna indipendenti, ħielsa mill-ħakma barranija u Repubblika. Vassalli jidher fuq kollox bħala figura ta’ resistenza kontra l-apatija, l-indifferenza u l-kruċjata silenżjuża kontra l-memorja jew dak kollu li jagħmilna poplu wieħed, poplu Malti.

Mario Micallef, Godwin Scerri u John Suda, tliet atturi li ħadu sehem fid-dramm Ċittadin Vassalli

IL-POEŻIJI TAR-RUSSU MIKAIL LERMONTOV MOQRIJA F’SANKT PETERBURGU, IL-BELT TAL-KULTURA TAR-RUSSJA Fit-23 ta’ April, il-Jum Dinji tal-Ktieb, dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-poeżija attendew għall-attività mhix tas-soltu, imtellgħa fiċ-ċentru ta’ Sankt Peterburgu (Russja) għall-okkazzjoni ta’ 200 sena mit-twelid tal-poeta u kittieb kbir Russu Mikail Lermontov (1814-1841). Il-versi tiegħu nqaraw b’bosta lingwi, fosthom bil-Malti. Il-poeżija Il-Qlugħ, li nkitbet fl-1832, ġiet maqluba mir-Russu mill-poetessa Yana Psaila u moqrija mill-baritonu Malti Joseph Lia. Fil-qari pparteċipaw konsli ġenerali tar-rappreżentanzi internazzjonali f’Sankt Peterburgu, uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi u taċ-ċentri kulturali internazzjonali u b’hekk ħafna pajjiżi tad-dinja ngħaqdu flimkien permezz tax-xogħlijiet ta’

dan il-poeta li jesprimu l-valuri dejjiema, komuni għal kulħadd! [tagħrifa ta’ Yana Psaila]

Il-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB 2013 U L-KONKORS NAZZJONALI TA’ KITBA: LETTERATURA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb estenda, fuq talba ġenerali, id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena tal-kotba li ġew ippubblikati fis-sena 2013. Dawk interessati ngħataw żmien sal-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju, 2014 f’nofsinhar. Il-ħsieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu li f’dan il-konkors Nazzjonali prestiġġjuż jipparteċipaw kemm jista’ jkun awturi u pubblikaturi li taw sehemhom fil-kitba. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq ifakkar ukoll illi d-data tal-għeluq għas-sottomessjonijiet tal-manuskritti għall-konkors Nazzjonali ta’ kitba: Letteratura għaż-Żgħażagħ, tagħlaq f’nofsinhar tal-Erbgħa, 30 ta’ Lulju, 2014. Il-linji gwida dwar il-konkors maħruġa miill-Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jinsabu fuq il-websajt tal-Aġenzija Żgħażagħ u fuq il-websajt tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Ir-rebbieħa tal-konkors se jingħataw trofew simboliku u €1,000 flimkien ma’ ċertifikat filwaqt li l-manuskritti tagħhom se jiġu ppubblikati f’kotba wara li toħroġ espressjoni ta’ interess mal-pubblikaturi. Għalhekk, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iħeġġeġ lil dawk il-kittieba emerġenti u kittieba oħra sabiex jipparteċipaw f’dan il-konkors Nazzjonali. KORS QASIR FIL-KITBA BIL-MALTI GĦALL-ĠENITURI Bħalissa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu qed jorganizzaw kors qasir fil-kitba bil-Malti għall-ġenituri li wliedhom huma studenti fl-iskejjel primarji jew sekondarji. Dan hu kors immirat għal dawk il-ġenituri li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom fl-ortografija u jgħinu lil uliedhom fil-homework tal-Malti. Min jattendi l-laqgħat kollha se jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Korsijiet bħal dawn jisgħu jerġgħu jsiru fil-ġejjieni. Għal min hu interessat jista’ jara l-ħolqa jagħfas hawn.

Page 3: Il-Pont Gunju 2014

L-AĦBARIJIET SENSIELA TA’ TAĦDITIET INTERESSANTI FIL-BIBLIJOTEKA NAZZJONALI Bejn id-9 u t-28 ta’ Mejju 2014, il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, il-Malta Libraries u d-Dipartiment tal-Malti tellgħu sensiela interessanti ta’ taħditiet interessanti li għalihom il-pubbliku attenda bi ħġaru. Olvin Vella tkellem dwar “Id-Damma ta’ de Soldanis: dizzjunarju Malti b’togħma Għawdxija”; Dr Joan Abela ttattat “Il-Ħajja ta’ Brandano Caxaro: il-kopista tal-Kantilena”; Liam Gauci, bil-parteċipazzjoni ta’ Sandro Debono, ittratta “Il-Ġifen Tork: il-ġrajja vera”; il-Prof. Oliver Friggieri ttratta “L-Innu Malti kelma b’kelma”; u l-Prof. Frans Ciappara tkellem dwar Mikiel Anton Vassalli. Dawn it-taħditiet kienu parti mis-sensiela It-Tnax-il Ruħ tal-Malti.

ŻEWĠ LEJLIET TA’ POEŻIJA U MUŻIKA MILL-GĦAQDA POETI MALTIN

Nhar is-26 ta’ April l-Għ.P.M., flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, tellgħu Lejla ta’ Qari ta’ Poeżija u Mużika fl-okkażjoni ta’ Jum l-Imtarfa. Waqt din il-lejla nqraw poeżiji kemm mill-membri tal-Għ.P.M. kif ukoll minn għadd ta’ tfal tal-lokal.

Lejla ta’ Poeżija u Mużika oħra seħħet nhar it-13 ta’ Mejju, fis-Sala San Ġorġ Preca, Istitut Kattoliku, fil-Furjana. Il-lejla ttellgħet mill-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Fundazzjoni JP2 fl-okkażjoni tal-Kanonizzazjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II taħt il-patroċinju tal-Eċċelenza Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju għal Malta. Inqraw poeżiji f’rabta mal-figura tal-Papa Ġwanni Pawlu II mill-membri tal-Għ.P.M. Ipparteċipa wkoll il-Chorus Sancti Ioannes Paulus II.

Il-poeti parteċipanti flimkien mal-Eċċelenza Tiegħu Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Awżiljarju għal Malta

TAĦDITA FUQ AL HIMJARI F’DAR L-EWROPA

Nhar il-15 ta’ Mejju l-Akkademja tal-Malti organizzat taħdita fuq Al Himjari mill-Prof. Michael Cooperson li saret bl-ilsien Malti.

Il-pubbliku li attenda għat-taħdita dwar Al Himjari

IL-FESTIVAL TAL-KTIEB FUQ IL-CAMPUS L-Għaqda tal-Malti – Università organizzat l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb ġewwa l-Università, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Festival ittella’ bejn it-28 u t-30 ta’ April, mid-9:00 sal-15:00 b’xi attivitajiet li ttellgħu wara s-7 ta’ filgħaxija. Għal dan il-Festival intramaw diversi stands ta’ għadd ta’ pubblikaturi u distributuri ewlenin fosthom Sierra Book Distributors, Horizons, Faraxa Books, Sensiela Kotba Soċjalisti, Bronk Productions, u Agius & Agius. Kien hemm ukoll kotba ta’ pubblikaturi oħra, filwaqt li fi stand minnhom kien preżenti l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Barra minn hekk, kien hemm attivitajiet f’ħinijiet u f’partijiet differenti tal-Quad. bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kittieba stabbiliti, kritiċi distinti u studenti. Fost il-kittieba mistiedna barranin ipparteċipaw il-poetessa mill-Kanada, Sheryl Loeffler, awtriċi tal-ġabra ta’ poeżiji A Land in the Storytelling Sea, u l-kittieb u ġurnalist mill-Eġittu, Hani Shrukrallah, awtur tal-ktieb Egypt, the Arabs and the World. LISTA INTERESSANTI TA’ ISMIJIET TA’ GĦASAFAR

Kull min hu interessat fl-ismijiet tal-għasafar jista’ jagħti daqqa t’għajn lil din il-ħolqa billi jagħfas hawn.

Page 4: Il-Pont Gunju 2014

Horizons għadha kif nediet l-ewwel 10 kotba tagħha din is-sena. Fi tnedija nhar il-Gimgha, 16 ta’ Mejju, u li għalija attendew mat-300 ruħ, l-10 kotba ġew ippreżentati b’mod awdjo- viżiv u jidher li din inlaqgħet tajjeb ħafna minn dawk preżenti. L-10 kotba mnedija huma: Dijaspori ta’ Salv Sammut; Goal ta’ Carmel Baldacchino; Il-Kanuni ta’ Navarone ta’ Eman Bonnici; Il-Kummidjanti tal-Parlament ta’

Carmel Scicluna; Klessidra ta’ Lillian Sciberras; L-Anġlu tal-Lament ta’ Carlo O D’Emanuele; L-Iskjav ta’ Isabel ta’ Audrey Friggieri; L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja ta’ Ramon Zammit; Nimbotta ’l Quddiem bħal Ħmar ta’ Eman Bonnici; u Vapur tal-Karti ta’ Alfred Cassar. Horizons qed tippubblika kotba ta’ ġeneri letterarji differenti, fosthom il-poeżija, ir-rumanz, in-novella, imma anki t-traduzzjoni, il-ktieb reliġjuż u l-ktieb li jittratta l-istorja tal-futbol. Insomma, xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd. X'inhu l-ethos tad-dar tal-pubblikazzjoni llum? X'tip ta' kotba qed tippubblikaw u għal min? Horizons tipprova tkabbar ir-reputazzjoni tagħha kemm billi tippubblika awturi stabbiliti, kif ukoll billi tagħti ċans lill-awturi emerġenti. Fuq kollox temmen li trid tilħaq pubbliku li għandu gosti differenti, għalhekk il-varjetà fil-kotba tagħha. Taħdem b’ħafna enerġija u dedikazzjoni biex il-ktieb

Malti – kemm fil-kontenut kif ukoll fi-dehra – iħabbatha mal-kotba barranin. Kemm qed issibu kollaborazzjoni mill-kittieba u mill-qarrejja? Meta l-awturi jaraw is-serjetà, allura jirrikorru, u tinbet relazzjoni reċiproka bejn id-dar tal-kotba u l-awturi. Il-qarrejja jirrikorru meta jaraw preżentazzjoni friska li tħabbatha mal-kotba barranin, li għandhom ferm aktar riżorsi mill-Maltin fejn jidħol suq. L-avveniment tal-16 ta' Mejju f’Ħal Qormi hu prova ta' Dar ta' Pubblikazzjoni li temmen fil-ktieb u anki fil-Maltin bħala poplu li jista' jinvesti fil-ktieb, imma anki prova ta' min hu lest li jirriskja u jaf jimxi maż-żminijiet. Xi tgħid dwar dan? Hekk hu… fuq kollox avvenimenti bħal dawk jiġu jiswew eluf ta’ ewro li fil-verità qatt ma jiġu rkuprati mill-bejgħ ta’ kotba. Imma ridna nagħtu l-ġieħ mistħoqq lill-awturi Maltin, u noffru serjetà lill-qarrejja Maltin, li kienu rrappreżentati mill-pubbliku li attenda. Proġetti oħrajn għall-ġejjieni? Sal-aħħar tas-sena se nkunu ħriġna madwar 30 ktieb għas-sena 2014. Hemm ukoll il-preżenza tagħna fil-Fiera tal-Ktieb Malti u attivitajiet oħra simili. Qed naħsbu wkoll li nerġgħu nkunu pro-attivi u kreattivi billi naħsbu fi tnedijiet differenti u eċċitanti għal aktar tard dis-sena.

Il-pubbliku li attenda għas-serata tat-tnedija fis-Sala Diamond, Landmark, Ħal Qormi, nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, 2014.

L-INTERVISTA David Bezzina

Page 5: Il-Pont Gunju 2014

Din hija t-tieni parti minn kitba li bdiet fil-ħarġa ta’ IL-PONT ta’ Mejju 2014. [Il-poeżija Lill-Prof. Manwel Mifsud] turi b’mod metaforiku l-binja lingwistika tal-Malti u ddedikata lill-Prof. Manwel Mifsud għax ġiet ispirata mit-taħdita tiegħu li għamel waqt il-konferenza “Ilsien qadim f’millennju ġdid”. Sibtha

fil-ktieb bl-istess isem taħt l-edizzjoni tal-Prof. Charles Briffa għax dak iż-żmien, fis-sena 2000 lanqas kont hawn. Manwel Mifsud ovvja li bħala bniedem umli ma tantx qabel mat-titlu tal-poeżija u qalli, “Yana, l-argument huwa l-ilsien Malti li jien quddiemu qisni tfajjel, xi ftit prużuntuż, mistagħġeb quddiem il-wisa’ u l-fond tal-oċean”. U jien għidtlu li ma stajtx insemmiha mod ieħor għax l-ewwel nett kieku ma kienx għal dik it-taħdita, ma kinitx se titwieled u fuq kollox f'kull kelma u espressjoni li użajt rajt lilu bl-imħabba u għożża kbira lejn il-wild li jgħinuh jikber u jissaħħaħ. Vera li l-poeżija tfaħħar il-Malti però għandha l-elementi lingwistiċi li jispjegaw il-fenomeni tal-binja tiegħu wkoll, il-frott tal-ħidma tan-nies iddedikati bħalu ħalli dal-ilsien jiġi mifhum u mgħallem aħjar! F’Diċembru li għadda ppubblikajt l-ewwel ġabra ċkejkna poetika u semmejtha L-imħabba tal-Istilla Polari għal żewġ raġunijiet. Dan it-titlu jirrifletti t-tema ewlenija tal-poeżiji li hija l-imħabba bejn raġel u mara kif ukoll b’mod metaforiku jgħid li din l-imħabba qatt ma tispiċċa għax kif nafu l-istilla polari hija kewkba li ma tantx titħarrek meta tiġi mqabbla mal-kwiekeb l-oħra u mad-dinja tagħna li dejjem iddur, tinbidel u għalhekk saret għalina simbolu tal-kostanza, xi ħaġa dejjiema. F’din il-ġabra hemm il-poeżija bl-istess isem għax turi l-imħabba bejn l-elementi taż-żewġ naħat tad-dinja, żewġ poli totalment differenti, deskrizzjoni metaforika tas-sentiment bejn mara Siberjana u raġel Malti. Ħadt ħafna gost jiena u naħdem fuq din il-kitba għax ftakart fl-ambjent tipiku tas-Siberja bil-lejl polari u b’dik il-vojtaġni kiesħa u stajt niddeskrivi dan kollu bil-lingwa tan-nisel Semitiku, għalija sinonimu mal-pajjiżi sħan tan-Nofsinhar. Użajt hemmhekk kelma qadima ħafna “il-qawwara”, bl-Ingliż “halo”, li tfisser dik it-tebgħa dawl madwar il-qamar jew kewkba li ġejja mill-kelma “qawr” li llum il-ġurnata ġiet sostitwita bil-kelma Rumanza

“ċirku” bl-istess tifsira. Kif ukoll waqt il-kitba skoprejt xi ħaġa. Biex ma nerġax nuża l-frażi mit-titlu “stilla polari”, fit-tieni vers użajt l-istess frażi iżda tan-nisel Semitiku “kewkbet is-safar” li darba rajtha fid-dizzjunarju u biex inkun ċerta li għadha tiftiehem min-nies, peress hi antika, dħalt fl-internet infittex fuqha u telgħet il-poeżija ta’ Dun Karm bl-isem Kewkbet is-safar! U qalbi bdiet tħabbat sitta sitta, bdejt ngħid x’kumbunazzjoni! Ma kontx naf li hu ddedika ukoll il-kitba lil din l-istilla. Diġà nieħu gost li għandi l-istess kunjom u sibt in-nebħa għall-ewwel kitba fix-xogħol ta’ dan il-poeta nazzjonali, u aktar kumbinazzjonijiet ma jistgħux ma jferrħunix! L-għarfien tal-Malti waħħadni mal-kultura ta’ dawn il-gżejjer u b’hekk sirt ngħix ir-realtà tagħhom u fl-istess ħin fil-poeżiji tiegħi ġieli ninqeda bix-xbihat li huma tipiċi għat-Tramuntana. Pereżempju, f’waħda mill-poeżiji għandi l-versi “għajnejk m’għadhomx ifakkruni fil-lewn tas-smewwiet, jaqbadni l-bard għax huma blu bħas-silġ fil-fatt u nara fihom id-dnubiet”. Meta wrejtha lill-ħbieb tiegħi Maltin qaluli “Yana, is-silġ huwa abjad”. Irrealizzajt li għalija silġ blu hu xi ħaġa normali għax rajt ħafna minnu fis-Siberja, bl-Ingliż jgħidulu “glacial ice”, tip ta’ silġ li jkun hekk minħabba f’xi proċess, imma hawn f’Malta ebda silġ qatt ma kien jagħmel parti mill-ambjent u anke l-fatt li fil-Malti teżisti l-idjoma “abjad silġ” teskludi kull opportunità li hu jista’ jkun ta’ xi kulur ieħor. Kienet skoperta oħra interessanti għalija. Il-poeżija li ktibt dal-aħħar semmejtha Tigra qamrija għax xtaqt nagħti l-impressjoni li hija ħlejqa notturna u misterjuża fil-kontest metaforiku u mhix xi tigra komuni. Bdejt ngħid “allavolja il-kelma ‘qamar’ tintuża ħafna fil-Malti modern, l-aġġettiv tagħha ‘qamri’ ftit li xejn jintuża, u terġa’, issibu aktarx fil-kotba”. Darba rajt per eżempju frażi “lejla qamrija jew konsonanti qamrija”, it-terminu grammatikali, però qatt ma smajt b’“tigra qamrija”. U peress li fl-ilsien Russu nużawha din il-frażi għidt għax ma nistax naqlibha għall-Malti u b’hekk erġajt inqdejt bix-xbieha tipika għall-ilsien Russu, u forsi għal xi ilsna oħra għax bl-Ingliż smajt ukoll “moon tiger”, li tikkontribwixxi għall-ġabra tal-immaġnijiet mentali ta’ dan l-ilsien, naħseb. M’ilux irrealizzajt l-għarfien li ksibt fil-Malti permezz tal-kitba tal-frażarju Russu-Malti għar-Russi li jixtiequ jistudjaw dan l-ilsien kif ukoll ktibt il-frażarju Malti-Russu għall-Maltin li jridu jitgħallmu jitkellmu bir-Russu direttament mil-lingwa nattiva tagħhom ħalli dal-ilsien dejjem isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jsaħħar aktar qlub!

SEĦER IL-MALTI Yana Psaila

Page 6: Il-Pont Gunju 2014

Nhar l-24 ta’ Ġunju li ġej jaħbat l-10 anniversarju mill-mewt tar-Rev. Mons. Amante Buontempo. Huwa twieled l-Isla, fil-15 ta’ Ottubru 1920. Ħa l-ewwel trobbija tiegħu f’Bormla fejn għex ma’ familtu sakemm kellu 18-il sena. Wara marru joqogħdu l-Belt Valletta u waqt il-gwerra fix-Xagħra, Għawdex. Ta’ 14-il sena daħal is-Seminarju u aktar tard studja l-Vatikan. Kien membru tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti. Kiteb mijiet ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan li bdew jidhru sa mill-1940. Amante Buontempo waqqaf l-Għaqda Poeti Maltin fl-1975 u tagħha kien President għal snin twal. Aktar tard kien ukoll President Onorarju. Il-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Ironikament il-versi tiegħu ġew apprezzati iktar barra minn xtutna. Xi jgħidu tliet persuni li ħadmu qribu? Charles Magro (President tal-Għaqda Poeti Maltin) - Mons. Buontempo ħalla din il-ħajja propju f’Ġunju 2004, għaxar snin ilu. Meta miet kellu 84 sena. F’ħajtu kellu tliet missjonijiet li kien jaqdi b’passjoni kbira. L-ewwel missjoni kienet is-Saċerdozju. Mons. Buontempo kien Qassis li kien iħobb il-Knisja iktar minn kull ħaġa oħra. Il-Ministeru għalih kellu prijorità assoluta. Kien bniedem intelliġenti ħafna u għamel żmien jaħdem ukoll fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Ftit snin qabel ma miet inħatar Kappillan tal-Q.T. San Ġwanni Pawlu II, Papa. It-tieni kienet il-familja. Il-familja numeruża tiegħu kienet magħquda ħafna, u kienu ħafna l-membri li ddistingwew ruħhom f’xi qasam tal-ħajja jew f’ieħor. Wara l-mewt t’ommu u ta’ missieru baqa’ jgħix m’oħtu, u meta beda javvanza fl-età żewġ ħutu sorijiet telqu l-kunvent biex iduru miegħu aħjar. It-tielet kienet il-poeżija. Kiteb eluf u eluf ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Dan barra l-proża u xogħlijiet oħra ta’ drama. Rebaħ għadd kbir ta’ premjijiet u onorifiċenzi. L-Akkademja tal-Arti u l-Kultura ta’ Taiwan ħatritu Poet Laureate Internazzjonali. L-Awstralja ħatritu International Bard. Kien onorat miċ-Ċentru tal-Bijografija Internazzjonali ta’ Cambridge, l-Ingilterra, li ħatru wkoll Deputat Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

Fl-1975 waqqaf l-Għaqda Poeti Maltin, li għadha attiva ħafna sal-lum. Kien il-President tagħha għal 25 sena, u mbagħad inħatar President Onorarju sakemm miet. Bil-ħidma sfiqa tiegħu u tad-diversi Kumitati l-Għaqda Poeti Maltin kellha ħafna suċċessi, u rnexxielha xxerred l-imħabba għall-poeżija mal-erba’ rjiħat ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll barra minn xtutna.

Alfred Massa (President Onorarju tal-Għ.P.M.) - Mons. Dr Amante Buontempo u jien konna ilna nafu lil xulxin mis-sittinijiet, imma l-ħbiberija tagħna ssuktat tidħol ’il ġewwa mat-twaqqif tal-Għaqda

Poeti Maltin fl-1975. Mons. Buontempo kien bniedem ta’ prinċipju u għat-twemmin li kien jemmen fih kien lest jagħti ħajtu. Fil-fatt, bata bosta inġustizzji għax wera bil-miftuħ il-prinċipji tiegħu. Kien jaf tajjeb diversi lingwi b’mod partiklari t-Taljan, l-Ingliż, il-Latin u naturalment il-Malti. Kellu kuntatti ma’ diversi għaqdiet kulturali barranin; tant, li kien mistiedem jindirzza għal darba, tnejn il-World Congress of Poets. Il-ħasra hi, li Mons. Buontempo kulturalment kien aktar apprezzat barra minn xtutna milli f’art twelidu; qasma ta’ qalb li ġarrha miegħu fil-qabar. Nittama li llum, għaxar snin wara mewtu, Mons.

Buontempo għadu u nittama jibqa’ ħaj għal ħafna u ħafna snin għas-sehem li ta b’risq il-poeżija, b’mod partikulari f’pajjiżna. Emmanuel Attard-Cassar (Membru tal-Għ.P.M.) - Għandi ħafna tifkiriet ta’ Mons. Amante Buontempo. Fis-snin disgħin billi kont għadni ġuvni u kont noqgħod il-Furjana kont inħobb nidħol sal-Belt u kif inkun hemm ngħaddi sa għandu u noqogħdu npaċpċu ftit. Kien bniedem bla kantunieri u kelma jgħidha kif iħossha imma darba qalli li jekk l-argumenti tiegħu jeħduha kontra l-argumenti ta’ ħaddieħor ma jfissirx li hu qed jeħodha kontra ħaddieħor. Kien iħossu bħala dmir li jiddefendi dak li hu jħoss li huwa s-sewwa u qatt ma qagħad lura minn dan. Kien saċerdot u poeta leali għal dawn iż-żewġ vokazzjonijet. Lill-Knisja kien jiddefendiha bi ħġaru u fil-kitba tiegħu kien spiss jesprimi ruħu permezz tal-poeżija.

TIFKIRA - Rev. Mons. Amante Buontempo

Page 7: Il-Pont Gunju 2014

IL MONDO SOPRA Vorrei tornare sui miei passi a cercare i resti della civiltà suburbana che ho attraversato ogni giorno senza mai rendermene conto scorci arditi di parcheggi sotterranei si ergono sulla mia testa, poesia di un tessuto urbano invisibile che va oltre ogni cosa, sopra ogni ansia del vivere quotidiano, un'eternità fatta di materiali biodegradabili luoghi sepolti in mezzo ai bagliori ai rumori della città destinati a disintegrarsi in breve tempo

ALESSIO STRETTI

L-Italja

AIR SHOW Rajthom jittajru fis-smewwiet kaħlana mill-bejt, fi Triq l-Ifran, id-dar kennija ta’ Neriku, lil dawk l-għasafar, ġejjin mill-bogħod! Għaddew bħal vleġeġ minn fuq rasna, imellsu lil xulxin, jitqallbu ta’ taħt fuq qishom mhux huma, fis-sema safi nir tal-Belt Valletta... Donnhom jitbewsu bħall-ħbieb tal-qalb! Rajthom jitliegħbu fis-smewwiet minn fuq Tas-Sliema għall-Belt mill-bejt fil-għoli ta’ Neriku ti Triq l-Ifran! Rajthom, u bqajt bla nifs!

Kont spiss narahom il-ħuttaf jittajru fil-wied tax-Xlendi fis-sema mċajpar skur, bħal vleġeġ minn fuq rasi mill-ġnien tax-xiħ missieri; jitqallbu ta’ taħt fuq! U kont nissaħħar bihom imissu lil xulxin donnhom jitbewsu bħall-ħbieb tal-qalb, ferħana bil-ħolqien, bil-ġmiel tal-ħajja! B’kontroll u qies! Xejn ġdid fid-dinja!

REV. GEORGE MERCIECA

Rabat, Għawdex

WE SPOKE TWO PHRASES ONLY We came to each other like pastures: green, yielding and unspoilt. Brought promise on our lips, emotion on our pelvis. Experience was our school, initiative our pay cheque. We spoke two phrases only: to ourselves - one common front to save us to the world - it’s mighty hard to break us.

THERESE PACE

ĠEBLA Ġebla mitfugħa ġo vaska ħiemda tifrex f'wiċċ l-ilma ċirku war'ieħor u ttella' l-bżieżaq sakemm tistrieħ fuq qiegħha u tibqa' rieqda.

JOSEPH C. SCIBERRAS

IL-POEŻIJI

Page 8: Il-Pont Gunju 2014

MINN FUQ L-IXKAFFA

ĊIKKU - Il-BIDWI MALTI ta’ Paul P. Borg, 2014.

F’dan ir-rumanz voluminuż l-awtur jgħarbel ir-rabta tal-bidwi mal-ambjent naturali Malti billi jissellef minn dak irrakkuntat lilu kemm minn Ċikku Fenech imlaqqam Ta' Vanġiela kif ukoll minn għadd ta' bdiewa oħrajn. L-awtur juża n-nixxiegħa tal-kitba kreattiva biex jimraħ f'rakkont ta' qtil u ħarba mimlijin avventuri - kemm fi gżiritna kif ukoll lil hinn minn xtutna - marbutin ma' dan il-persunaġġ, iżda fuq kollox marbutin mal-ġrajja tal-bidwi Malti. Fih insibu bosta deskrizzjonijiet u riflessjonijiet mill-isbaħ marbutin mal-pajsaġġ naturali tipikament Malti. Lingwistikament iħallat il-Malti standard mal-Malti djalettali biex jagħti laqta iktar awtentika lir-rakkont. Ir-rakkont ta’ Ċikku jibqa’ attwali l-aktar f’rabta mat-tema tal-qirda tal-ambjent naturali. Il-ktieb hu edizzjoni riveduta tal-ktieb li kien ingħata l-Premju Letterarju għall-Aħjar Rumanz fl-1999. Minkejja li hu rumanz twil, huwa xogħol li jsaħħrek u li jistiednek taqrah iktar minn darba.

MUMENTI ta’ Charles Casha, 2013.

Din hija ġabra ta’ 60 poeżija - il-parti l-kbira bil-Malti u ftit bl-Ingliż - mill-pinna ta’ kittieb li nħobbu norbtu l-iktar mal-qasam tan-narrattiva. Ħafna minn dawn il-poeżiji huma qosra u kollha jinqraw bla ebda diffikultà, miktubin kemm b’mudelli metriċi u prosodiċi tradizzjonali (il-kwartina, l-ottonarju, ir-rima mqabbża), kif ukoll b’mudelli aktar moderni bħall-vers ħieles. Dawn ta’ Casha huma versi li jinqraw minn taħt l-ilsien imma jistiednu għall-ġabra u għar-riflessjoni. Permezz tagħhom il-poeta, flimkien mal-qarrej, jinqata’ għal ftit waqtiet mill-għagħa tal-ħajja sfrenata li ngħixu kuljum u jġarrab mumenti ta’ skiet u armonija kemm miegħu nnifsu, kif ukoll mal-ħolqien ta’ madwaru. Jislet ħafna mid-dinja naturali (in-nixxiegħa, il-qamar, ir-riħ, ix-xemx, ix-xtajta ramlija, il-wied) filwaqt li jittratta temi universali bħalma huma t-twemmin, il-mewt, l-imħabba, it-tbatija, u l-poetika nnifisha. Mumenti jixhdu kittieb li tgħallem sewwa s-sengħa tal-kitba, imma anki bniedem matur li wasal biex fehem bosta misteri fil-ħajja tal-bniedem.

STUDJU DWAR IL-MONOGRAFIJA TA’ MARIA GRECH GANADO ta’ Joseph Vella, Le Bureau Stationery, 2013.

Il-kritika u l-analiżi letterarja jgħinu lil dak li jkun japprezza iktar il-letteratura. Dan ta’ Joseph Vella, li huwa Lekċerer Anzjan fil-Kulleġġ Minuri Ġ.F. Abela, l-Imsida, huwa xogħol dettaljat u mirqum li żgur se jgħin japprezza iktar kull min jaqra t-30 poeżija ta’ Maria Grech Ganado li hemm fil-ktejjeb Monografija (Malta University Publishing, 2010), fosthom l-istudenti li qed jippreparaw għall-eżami tal-Malti Intermedju u Avvanzat. L-awtur jittratta l-isfond bijografiku u sehem il-poetessa fil-qasam letterarju, it-temi ewlenin li niltaqgħu magħhom f’dawn it-30 poeżija, il-leħen ta’ protesta, it-teknika tar-ripetizzjoni, il-lessiku, ir-reġistri differenti u x-xbihat mħaddma minnha, u anki interpretazzjoni tal-poeżiji, waħda waħda. Il-ktieb għandu Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri li jsejjaħ il-kritika ta’ Joseph Vella bħala waħda ʺsistematika, aġġornata u ċara” u li ʺtoffri l-isfond tat-testi mistħarrġa”.