33
Kitbiet

Ex Voto Kitbiet

Embed Size (px)

DESCRIPTION

Kitbiet ta' Kit Azzopardi, Antoine Cassar, Glen Calleja, Leanne Ellul u Ryan Falzon li jduru madwar l-esebizzjoni ta' arti viżiva "Ex Voto" li ttelgħet minn Ryan Falzon fil-Mużew Marittimu, Birgu, bejn it-12 u 26 ta' Settembru 2014. Ix-xogħol għal din l-esebizzjoni jinsab fuq www.ryanfalzon.com Ex Voto kien mgħejjun mil-Malta Arts Fund

Citation preview

Page 1: Ex Voto Kitbiet

Kitbiet

Page 2: Ex Voto Kitbiet

© tax-xogħlijiet, l-awtur

© daħla, Ryan Falzon

© illustrazzjoni, Ryan Falzon

Ebda parti minn din il-kitba ma tista tiġi b’ xi mod riprodotta mingħajr il-kunsens bil-

miktub tal-awturi

Ottubru 2014

Page 3: Ex Voto Kitbiet
Page 4: Ex Voto Kitbiet

Daħla

Il-kitbiet miġbura hawnhekk inqraw waqt l-għeluq ta’ “Ex Voto,” esebizzjoni viżiva ta’ Ryan Falzon li ttelgħet fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, bejn it-12 u s-26 ta’ Settembru 2014.

Min-naħa viżiva, “Ex Voto” kien proġett li dar madwar l-ikonografija Kristjana, il-kundizzjonijiet ta’ għajxien fuq gżira, u r-relazzjoni mal-baħar. Xeni mill-kosta Maltija ġew impoġġija f’kuntest mal-ambjent urban ta’ Berlin, b’tali mod li jinħolqu pjatta-formi li fuqhom jeżistu figuri solitarji siekta. Dal-figuri huma referenza għas-solitudni u l-qtigħ ta’ qalb li wieħed isib fil-kwadri marittimi Ex Voto; kemm jekk fi grupp jew bħala individwi, in-nies li jidhru f’dawn il-kwadri huma dejjem weħidhom, iserrħu biss fuq l-kapaċitajiet u l-fidi tagħom biex isalvaw. F’dan il-proġett, din ix-xewqa għal stat aħjar hi interpretata fil-kuntest tal-ħolma tal-abitanti tal-gżira li jħarsu lejn il-Belt kontinentali bħala l-post li qed isejħilhom biex iħossuhom sħaħ.

Ix-xogħlijiet esploraw l-ambigwità tar-relazzjoni bejn l-baħar u l-individwi li jħossuhom mhedda mill-iżolament fiżiku ta’ gżira, iżda jħossu li l-baħar itihom iden-tità, eżatt bħalma ttihom ir-reliġjon Kristjana li kibru fiha, irrelenvanti baqgħux jemmnu jew le. Il-pitturi u l-lino prints li se jintwerew jixhdu t-tama għal-libertà, u s-salvazzjoni kontemporanja, u huma xhieda ta’ vjaġġ introspettiv li ħafna drabi jwassal għas-solitudni.

Il-kitbiet ta’ Kit Azzopardi, Glen Calleja, Leanne Ellul u Ryan Falzon kienu miktuba tul il-proċess tax-xogħol viżiv, filwaqt li Antoine Cassar ġie mistieden biex jidħol fil-proġett iżjed tard.

Ix-xogħol viżiv jinsab fuq www.ryanfalzon.com.

“Ex Voto” sar bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund.

Page 5: Ex Voto Kitbiet

KIT AZZOPARDI

Page 6: Ex Voto Kitbiet
Page 7: Ex Voto Kitbiet

Salve Reġina

Marjanna – sultana fuq pedestall

tistenna sibt, tistenna ħadd, tistenna sliema.

Jiem oħra mhux mgħammda –

ingassati minn fuq l-istkritti tiegħek,

programmi pittorgrammati fuq sidrek,

ritwali mat-tubi tturufnati ta’ mnifsejk.

Mar Anna, Marmanna, manna,

x’int tistenna f’dal-avvent rużarju,

b’pendenzi fil-komplieta fl-aħħar uri?

Pendenti pendenti ta’ duluri

Marjanna omm tal-ħniena ...

dan kewna kkulurit

mill-ibħra li bkejnielek ...

Smajtha t-tnegħida trinitarja

f’dana l-wied idoqqhom l-għanjiet

siekta :: tad-dmugħ, tad-demm, tad-dawl,

o avukata fl-awla Marjanna?

dawwar lejna

Page 8: Ex Voto Kitbiet

Is-Sliema

Grazzjella –

min jara minn għajn waħda, re fost l-għomja

min jilbes velu u ftit maskara, mara fuq l-irġiel

Aħna d-dlam ta’ bejn it-tjur u l-qxur,

serbut ta’ partiċelli, u żibeġ imnikktin

ma nafux aħniex ilm’arja :: xita jew dmugħ,

gassijiet jevaporaw.

Nafu biss id-dlam fejn tlifn’ isimna,

il-grazzja li tgħammidna suwed,

u xħin saqsejna għal saltna għalina

qalulna – bla kliem xejn –

li l-għerien umdużi tiegħek

ċensiment :: blat u frak u ftit gżejjer,

u post għalina ftit li xejn.

Sigħetna veloċità interzjata mal-art,

ġismek ħarir, ġisimna salib tqil

u sokkors ta’ sem’ iswed –

demgħa migrufa f’ħaddejk mifruxa

fuq dal-blat,

u inti gġant.

Sadattant,

dulur id-demm għalik.

Tkejlu skont l-iskur.

Page 9: Ex Voto Kitbiet

Missierna.

Int baħri tal-bnazzi,

tgħidilna li l-bliet tiegħek tal-fidda,

li tkejjel ħajtek skont ix-xmux u l-qmura

skont il-ħmura ta’ filgħodu u ta’ f’lgħaxija.

L-arti tal-parentela għandha s-saltniet tagħha,

l-uniformijiet tas-suf u qatgħa xagħar folta.

Għedtilna – ja baħri tal-ibħra u d-deżerti –

li t-trab u r-ramel u l-ġeoloġiji

huma testmenti skartati mill-qiegħ.

Għedtilna l’int baħri u kartografu tal-irdumijiet

għax tgħix fit-tarf u ismek naqqaxtu f’kull port,

f’interċessjoni u interruzzjoni.

Saltnatek assalt bejn sema blun u baħar ibleh.

Fil-bieb, tistenniek sirena, sidirha gżejjer

xufftejha stejjer.

U inti sejjer,

sejjer,

Page 10: Ex Voto Kitbiet

Ħobżna ta’ Kuljum

paċi kulaċi, Madonna fuq rasi

Kristu fuq l-artal, qed ibierek dawn it-tfal ...

Dil-ħobża kristoloġija kbira

ħabba bajda għamja

dimensja bla ħmira.

Skabrużi u misterjużi d-diji tiegħek

l-inkwadraturi mdiehba bla dettall.

U skabrużi d-dnubiet tagħna,

kristalli mbiċċra

ħamiema mitmugħa biċċa biċċa.

Idejna naħsluhom

fi ftit kliem.

Page 11: Ex Voto Kitbiet

L-Att tal-Indiema

Atti fuq platti

mferrxa ċatti ċatti,

mal-art f’konfessjonarju ...

Dnubieti nfassalhom apposta għalik,

biex ninkik.

Bħal-lum naħseb fik,

bħal għada nidgħi bik,

pitgħada norqod miegħek bla ma trid.

U ’qas tinduna b’xejn,

inutli għajnejk ankrati

bi qdusitek u par xufftek fis-skiet;

it-talb tiegħek safa tallab, –

anzi, imma

xorta –

inħobbok fuq kollox

fuq l-anġli u taħt ġwinħajhom

fuq l-altari jistennew il-ħobżna

fuq is-sliem jistenna

fuq il-missierna jistenn’ mara

fuq l-alla eludit

fuq ħalfa bierda.

Page 12: Ex Voto Kitbiet

glen calleja

Page 13: Ex Voto Kitbiet
Page 14: Ex Voto Kitbiet

tini. sib. trid. dawwal. armi.

I.

tini punt ta’ gravità

tini toqba li tiflaħ kollox

tini tifel ħa jferragħli l-baħar kollu f’ħofra fir-ramel

tini xatt u riħ u ramel f’belliegħa ħa nagħmel festa festun

tini gruppi barranin imħallta bi gwida quddiemhom

adulti, waħdiet iwweldjati bil-brijju tad-deheb solari

m’umbrella

tini t-tmienja li ssir id-disgħa. diġà.

‘qas tar’hom għaddejjin mexjin mejtin

tini kelma perfetta

tini ritratt li fih minn kollox anke raġel u mara bħal dawn, familji w qawsalli

u jkun ideali jekk tħallihom isibu fejn jipparkjaw għajnejhom bnadar il-bjuda

isibu: xi imkien li mhux l-istess

mhux differenti bħalma hi differenti l-verità li xtraw

minn dak li immaġinaw

Page 15: Ex Voto Kitbiet

ii.

sib ħoss sehmek ħaffier

sib ħamest iswaba’ brimb jew gafef jew sempliċiment gerriefa tal-wiċċ

sib ftit ittri mill-memorja, ħamsa-sitta kollox, biex flimkien ituk l-onomatopea

sib il-messaġġ moħbi fil-kumbinazzjoni

sib ir-raġel tal-ħolm

sib il-virilità mistura fit-tibriq, fil-mustaċċi, fil-muskolatura sufija

sib l-artist magħżul mill-Kosmos liebes l-uniformi tal-forzi armati

biex isalva s-salvazzjoni u s-salvaturi li spiċċaw bla xogħol

sib id id-dixxipli tibbokla tiżbokla

sib snien il-bokkla nnifisha mgħaddsin fin-nej, fis-selħ, fix-xej’

sib il-bumbardamenti fil-ħolm graffit

sib qalb bi spray aħmar u xdieq ħajt għalih

sib stampa tal-kulur, ta’ bajja, ta’ laneċ, ta’ sajf maqtugħ minn fuljett

tal-Awtorità Tat-Turiżmu sselleġ salini rekkiena

sib sandlija ftit mitlufa f’ilma li ma jitmewweġ b’xejn

sib il-probabiltà li ssib figura kokka fl-għadajjar taqbad il-gambli

bit-tazzi tal-ġelat tal-barmil

sib tfal li issa għandhom wiċċ u xi naqra familja

sib taiga sħiħa turist’evaporata tbarri l-mistħijiet mielħa minn fuqha

sib bokkli oħra

sib ishm’ iżgħar, isbaħ

Page 16: Ex Voto Kitbiet

iii.

trid tibda mawrietek fis-salott tar-Reġim

trid tagħraf, b’xagħrek quddiem għajnejk, xi jfissru ċerta tkaken u t-toqol tal-pass

fejn u kif u għal min jaqa’ w jieqaf u xi jħalli wara dahru

trid titgħallem taqra l-isdra mmedaljati

trid tmissilhom biżlejhom imqajma minn fuq il-flokk

biex jiftħu kamra kliem protett

trid tmiss l-ilma u ssellġu u toħloq gżejjer t’ambjent naturali pristin

safi, dik il-kelma li ridt

trid taqla’ l-ponta ta’ lsienek u twaddabha vleġġa in-naħa l-oħra tat-triq

fejn siktu il-fjammi fuq l-aperturi

trid it-territorji okkupati kollha u biċċa informazzjoni oħra

trid anniversarju tal-liberazzjoni u mbagħad ieħor is-sena ta’ wara

u t-tielet wieħed ikun ma’ ġenerazzjoni ġdida

trid ħafna tfal u tfal ta’ ħaddieħor

trid tippetnalhom xagħarhom

bil-ferq fil-ġenb għas-subien

bil-ferq fin-nofs u l-molol biċ-ċfuf għall-bniet

Page 17: Ex Voto Kitbiet

iv.

dawwal daqq daqqtejn fuq filfla

dawwal l-iwat mill-ordnijiet

il-korniment minn bilqiegħda baga

intervistata dwar il-film

u tistaqsi biss dwar is-suġġett u kif da’ jqajjimulek ġurnata sħiħa

dawwal tik-tokkijiet t’operazzjoni ta’ salvataġġ

dawwal l-irmiġġ, l-ewwel ġiex minuti

b’rappurtaġġ dettaljat, it-tieni biċċa għand il-parrukkier tiżbogħ xagħrek

dawwal subgħajk idawwar keffet dublett

dawwal il-ġografija ta’ kantuniera imperjali

dawwal kuntratti ta’ nies maestużi

dawwal il-bidujiet tal-konfini esebizzjonisti

dawwal il-belt narċiża, taljana tal-moda, ċiniża

fabbrika improvizzata bla pulizija, bla permessi, bla ħsieb

varjetà t’assenzi fid-direttorju tat-telephone, kollezzjoni privata

dawwal swat li ma jridx jilħaq il-pubbliku ġenerali,

dawwal it-tip ta’ werqa, id-dettalji u l-fidi tax-xitla

dawwal ittra ta’ rakkomdazzjoni bla prezz preċiż

dawwal xbihat, mużew sħiħ lest għall-aħbarijiet

għall-esportazzjoni

dawwal terrapien difnietna bil-ħin tat-terremot dokumentat sew

kif tinsa kollox meta tkun qed tieħu gost hux?

dawwal kamera tar-ritratti, dawwal

Page 18: Ex Voto Kitbiet

l-iżviljarini nemel, fili fil-fili fil-ħajt, dawwal

bejtiet ta’ nies fil-film tiegħek

dawwal tnessijiet il-weraq, trab ta’ ħbieb tal-qalb

fiċ-ċerimonja tal-ftuħ

dawwal personalitajiet famużi f’karozza sewda mikrija

dawwal kaxxa miżbugħa fl-art f’parkeġġ vojt

Page 19: Ex Voto Kitbiet

v.

armi l-lukanda fejn morna ‘l bogħod u ġejna lura iktar televiżivi minn qatt qabel

armi l-gallarija mnejn ġibdu x-xena ta’ ħbiberija

armi s-sular sħiħ u l-prekawzjonijiet

arm’imla l-kennierji tal-Imdini bil-pjanijiet tiegħek

tiegħi magħmulin biex jorqdu w ma jqumux

armi mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet ta’ kpiepel t’għajnejn

wara l-kafè ta’ filgħodu f’kolazzjon kollettiv

armi l-irkoppa titriegħed nervuża taħt il-mejda

armi l-ma-rrridx tas-sħab imdendel dalgħodu, jew

raxxet ftit fl-aħħar?

armi l-ma-nafx

tas-subien rejjiexa bit-temperaturi bejn subgħajhom

armi t-tpartit tagħhom li jsir ċwievet iċekċku, ħoss il-missier

maqsum fi tlieta, dwal tat-traffiku

armi l-aħmar wieqaf u l-bqija jinqelbu kull tant sekondi

skond kif issettjati, nieqsa mill-ħoss

armi l-aħħar vers għax mhux vera

muti w torox imma bil-gradi Celcius

li jgħidu id-Dinja Hekk!

armi l-kriżantemi, ixħithom bil-ponn taħt passejh huwa w dieħel id-dar

Page 20: Ex Voto Kitbiet

ANTOINE CASSAR

Page 21: Ex Voto Kitbiet
Page 22: Ex Voto Kitbiet

Il-gzira fuq mappa

Għajnejh reġgħu waqgħu fuq il-mappa. Kuljum f’xi ħin jew ieħor jispiċċa jħares lejha,

għalkemm ormaj m’għadux jiċċassa bħal qabel. Il-gżira għażiża, u daqstant ieħor

misħuta, biżżejjed ħadet il-ħajja tul l-aħħar sena. Tmint ijiem oħra hemm ikun. Ġixt

iljieli ilu, il-forma tal-gżira qajmitu b’ħasda fl-erbgħa ta’ filgħodu, u ħakmu biża’ kbir.

Kien hemm min iddeskriva l-gżira bħala makku, għax ċkejkna u tinbela’ malajr. Bħala

forma, hu iktar kien ixebbahha ma’ kaħlija. Żbuxxlata, nofsha storduta, tgerrem

għoqda tax-xibka li nqabdet fiha. Drabi oħra kien jara baliena, bħal dik tal-bibbja

b’Ġona ta’ Ninive jitgeddes ġo żaqqha, għax jibża’ jaqdi dmiru, jibża’ jsir dak li hu.

Imma Ġona sieħbi, qabel ma toħroġ minn żaqq il-baliena, trid tkun ċert li inti lest, u

lest ta’ veru. Jekk titperreċ kmieni wisq, tegħreq żgur.

Dan l-aħħar, iżda, il-gżira fuq il-mappa saritlu pirana. Kollha snien u nejbiet, lesta ħa

ġġibu pulpetti, tqarmiċlu għadmu, u tobżqu ‘l barra mingħajr ma biss tibilgħu. Hekk

sew. Aħjar ma jinżel Malta xejn. X’joqgħod jagħmel hemm? Jintasab f’tarf l-irdum

tal-Imnajdra jiffissa lejn Filfla, bħal min jixba’ minn gżira u jibda jixxennaq għal gżira

oħra, iżgħar u iktar maqtugħa minn ta’ qabilha?

Filfla, il-midbaħ tal-ġganti. Issa ħaġa waħda biss jixtieq. Iċarrat sidru bil-mod, jaqla’

qalbu minn postha, u jqegħidha fuq l-artal ta’ Filfla, speċi ta’ ex voto lill-allat tal-

imħabba. U erħilhom ituha bl-imrietel, bl-iskieken, bis-sajjetti. Wara, ikun jista’ jitlaq

jaqdi dmiru kemm irid, f’mapep oħra ikbar minn din, mingħajr dik il-qalb ittaqqallu

l-pass, torbtu mal-art, iżżommu dejjem lura.

Tmint ijiem oħra. Biża’ kbir. Hekk biss jista’ jistabar issa. Qala’ għajnejh minn fuq il-

mappa, ġibed nifs twil ‘il ġewwa, u m’azzardax jerħih.

Page 23: Ex Voto Kitbiet

Leanne ellul

Page 24: Ex Voto Kitbiet
Page 25: Ex Voto Kitbiet

fil-fili

“Ħares, ħares fl-ilma rieqed,

ħares biss għal tliet darbiet;

Darba waħda, fl-art tal-Midinbin, kien hemm jien ngħix blata ’l bogħod. In-nies ta’ dil-

art kienu maqsuma. Kien hemm nies b’xagħarhom iswed u nies b’xagħarhom abjad;

dawk ta’ xagħarhom iswed kellhom imnieħer ċkejken u għajnejn qastnija u dawk ta’

xagħarhom abjad kellhom imnieħer twil twil twil u għajnejhom ħadranija.

Jien ma kont mal-ebda naħa u għalhekk, darba fost l-oħrajn tefgħuni hawn bi dnubi

b’kollox. Bqajt inkaxkar dnubi kull fejn immur; sa msaħt trab l-art kollha u ġmajtu fil-

fili ta’ ġismi.

“Dal-ġisem seħta fuqek, fuqna u fuq uliedna.”

“Dal-ġisem wild id-dnub.”

“Dan hu l-ġisem…”

“U x’ġisem!”

Waħdi, fuq dil-ġbejla, nixtieq li nħares fl-ilma mill-għoli tal-art imma nilmaħ il-kliem

b’oranġjo jgħajjat /tixxabbatx/. U nitħawwad x’nista’ naqbad nagħmel. Għax, li jiena

jien, dnub u m’hemmx dnub akbar minn dak li wieħed jgħid li ħajtu ta’ ħaddieħor.

Met’ ażżardajt nixxabbat, għelbuni. Il-Maralla kienet ħatfitni u biddlitni f’gremxula.

Ma kinitx waħedha. Kienu … kemm? Ftit mijiet? Eluf? U ħafna firem. Minn kullimkien

faqqsu l-firem. Anke ta’ Molly <il-qattus> u Fredu <il-kelb> kien hemm. Iddeċidew

qatta bla ħabel li jiena posti hawn u hekk kellu jkun.

Issa ninsab f’tarf dil-blajta b’xejn u b’ħafna trufijiet, inħares ’l isfel ħa narani. Naħseb

niflini sew ħa nara kif ġabuni l-jiem sħaħ jikwuni. Bl-arja kollha l’għandi, nibża’ nħares

Page 26: Ex Voto Kitbiet

għax niddubita nagħrafnix. Imma nersaq lejn it-tarf … kemm kemm ieħor ... kemm

kemm … kemm kemm biss …

Kif inkun se nħares, minn taħt il-għajn nilmaħ dell bniedem b’xewk u għollieq ma’ ras

tikwi lewn id-demm. Jgħidli,

“Ħares, ħares fl-ilma rieqed,

ħares biss għal tliet darbiet;

meta ttellet l’għandek tagħmel,

tagħraf surtek mis-suriet?

Għal darb’ oħra terġax tħares

għax tinsteħet minnufih;

l-ilma ta’ madwar din ġbejltek,

lilek qatt ma tara fih”

Fil-fixla li qadbitni, iddeċidejt li nħares għall-ewwel darba dak il-ħin. U nilmaħni kif

darba kont; b’xagħri iswed lixx sa fuq widnejja, b’ħuġbejja folti u skuri, b’għajnejja

suwed serji mlewna b’kemm kemm blu u lapes ċar, b’ħaddejja ħomor ttikkjati b’leħja

ta’ jumejn, b’xuftejja roża niedja u ġerżumti mqabbża ’il barra toqmos ftit kif nibla’

r-riq. Hekk kont nafni, u hekk għadni għajr għall-fili ta’ fuq moħħi, kbar u fondi li

l-ħsieb fihom għamel dar għalih.

Jien waħdi fuq dil-blajta, noħlom stejjer filgħaxija, u filgħodu nqum nigrifhom fis-sod

ta’ dal-blat. Darba kienu staqsewni:

“li kieku kellek tispiċċa waħdek fuq gżira, x’inhuma t-tliet affarijiet li tieħu

miegħek?”

Kont weġibthom:

“ktieb, lipstikk u karta.”

Imma r-realtà storj’oħra. Storja li ma tinkitibx bil-lipstikk. Tingħex; storja li trid snin

Page 27: Ex Voto Kitbiet

biex forsi tgħixha u li meta taħseb li għextha tintebaħ li dak li kont qed tgħix ma kien

xejn għajr ħrafa. Meta ġew ġabuni haw’, ma qalulix jekk irridx ktieb, lipstikk jew xi

karti, xi rrid niekol, nixrob u nilbes, jekk irridx naqra jew nikteb, inqaxxar il-lejħa jew

niżbogħ difrejja, jekk irridx lil xi ħadd miegħi. Ma qalulix irridx il-lejl jew nhar għal

dejjem jew irridx id-dlam mal-jum u d-dawl mal-lejl. Ħallewni hawn bil-ġranet jisbħu

u jiddalmu u kif iridu huma ma’ kull tehmiża. Li trid tagħmel, dil-ġurnata. Anke l-ħin

jgħaddi ż-żmien bija għax bla ma nintebaħ id-dawl jinbidel f’dlam u nsib ruħi għadni

nobrox l-istejjer li nkun ħlomt.

F’daż-żmien kollu, ħarist darb’oħra ġo dak l-ilma. Kienet it-tieni darba dakinhar. Kol-

lox eżatt l-istess. Ħlief għall-fili fondi fondi li baqgħu hemm u anzi żdiedu. Illum nerġa’

nħares. Aktar tard illum biex kif ix-xemx tkun għoddha nħbiet intemm ġrajja oħra:

ġrajjet il-ħarsijiet?

Is-sebgħa ta’ filgħaxija u nerġa’ nersaq qrib ix-xifer. It-/tixxabbatx/ tixgħel iktar

f’dal-ħin. Mhux bħall-ilma. L-ilm’ aħmar skur jiċċassa lejja. U jien niffissa lejh ngħodd

kemm-il darba ħaristlu u nkun ċerta li din it-tielet darba; li darbtejn oħra biss kont

ħarist. U nolfoq u nibda naħseb l’anke tlieta nsejt xi tfisser; tliet persuni f’alla wieħed?

Tlett islabeb flok bewsiet? Tliet ħotbiet fuq ġbejla bogħod?

Sakemm jitfaċċa Bobbie.

“Hi. Jismek?”

U Bobbie jikteb ismu fit-trab.

“Ar’istra x’kumbinazzjoni. Bobby wkoll jien, Bobby bil-waj. Tistaqsinix għaliex.”

“U?”

“Wasalt ilbieraħ. Il-Maralla fuq il-blata, fl- art tal-Midinbin, qalet li se jibdew

jitfgħu lil nies bħalna hawn u dan skont xi liġi ġdida għandu jkun. Hemm,

Page 28: Ex Voto Kitbiet

fuq il- blata, ir-rata ta’ trabi qed tonqos u bina mas-saqajn qalu li tixxejjen biss

tista’. Għamlu xi referendu u għaddiet tal-poplu.”

“Kienet ilha ġejja.”

“Ija ija. U kważi kważi aħjar hekk. Haw’ isbaħ. Haw’ s-sħana, haw’ il-ftuħ u l-

ilma ċar. Għadni kemm ħarist ftit ilu.”

Nibla’ lsieni. Bobbie jibqa’ jgħid u jien nibqa’ nisimgħu. Bobbie bħali. Lilu wkoll biddluh

f’gremxula u bagħtuh fuq dil-ġbejla. U l-ilma, jista’ qatt jagħraf gremxula minn oħra?

Aħna kollha keffa waħda. Dari rari tara lilna u llum tara lilu, tara lili, le? L-ilma mejjet

ma jagħrafx lil dak li jkun. U hawn barra l-blat, kollox ilma u kollox mejjet.

Wara kollox mhux daqshekk importanti.

Issa għandi gremxul’ oħra bħali li biex nagħrafni nħares lejh u ngħixu kuntenti għal

dejjem.

Page 29: Ex Voto Kitbiet

ryan falzon

Page 30: Ex Voto Kitbiet
Page 31: Ex Voto Kitbiet

Introduzzjoni

La titkabbarx, għax hemm ċans li tinżel għarkubbtejk quddiemi, tagħmel inkin sfurzat.

Le, mhux ħa nitolbok issensilli salib jew domna tad-deheb ma’ sidri, għandi minnhom

dawk u ma għandix x’nambi tiegħek. U la tgergirx, għax nitfgħek fuq il-gżira ż-żgħira,

espost fuq pedestall kiesaħ bħalek.

Hemm, ankrat mal-pedestal, il-ħolma-mit tal-belt kontinentali żgur tibqa’ ombra

f’moħħok, ombra daqs il-figuri li rajt jaqsmulek f’ta’ Alla u Ommu f’nofs ta’ lejl.

Filfla

Għala ġejtu titfgħu l-bombi lili, titfgħuli l-jaħraq tal-blast ġol-kaxxa ta’ sidri? Ma tafux

li jien in-nifs batut u l-istonku mherri? Lili ġejtu ssibu, tfajla li f’ħamsa u għoxrin sena

l-ebda għarus li kelli qatt ma ħadni niekol, lili, ġzira insinifikanti?

Ġuvni baħri

Il-baħri redentur, itturufnat fuq gżira bla gost, imqabbad biex jipproteġi, imbuttat

minn missieru biex iservi l-patria, il-patrija li bagħtitu ’l bogħod ma’ ħafna ġuvintur

bħalu. Bagħtitu jbati, fit-tentazzjoni.

L-1960 u ma hemmx li jgħaddi kollox. Ix-xewqa kbira għat-temp griż li tant iħobb,

hawn imqanna’ b’ għaraq u xemx. Moħħu sar kuritur twil ta’ statwi fuq pedestalli,

waħda fejn l-oħra, ħafna Madonni. Madonna taċ-Ċintura, Madonna tal-Karmnu, Ma-

donna ta’ Loretu, Madonna tal-Camorra. U fuq l-ikbar pedestall, Madonna tad-Duluri

bil-qalb qantar deheb li ħallielha Wistin qabel miet, bl-istallet tad-djamanti li ħallset

għalih Tessie.

U lilek, baħri bjond, min qed jistenna biex itaqqallek qalbek u jpoġġilek stallett ilellex

ġo fiha?

Page 32: Ex Voto Kitbiet

Ewforiżmu

Il-belt kontinentali li fiha jiġri kollox f’kull ħin u aħna hawn, b’għajnejna jdemmgħu,

qalbna magħfusa, b’idejna marbutin, inpexpxu fuq xulxin ġo għadira ilma b’ġebla fin-

nofs.

Abbanduna l-ħolma, abbanduna art twelidek, tiha għax-xalar jew għal ġabra mon-

asterjali, waqqaf il-konflitt intern, l-istennija tal-applaws mingħand udjenza katavri,

l-ippjanar ta’ vaganzi ġo żoni militari, ix-xewqa ta’ ġiti għax-shopping ġo stabbili-

menti kummerċjali nofshom vojta, il-weekend breaks lussużi ġo lukandi kkundannati li

jeżistu biss f’moħħok.

Ma hemm xejn jistenniek fil-belt. Il-belt tgħaddi tajjeb mingħajrek u ma għandiex

bżonnok. Lanqas art twelidek ma għandha bżonnok, ribell bħalek li ma jdendilx salib

ta’ tmien ponot keychain maċ-ċwievet.

Ħadd ma għandu bżonnok. Inti biss figura kiesħa b’sesswalità ambigwa fuq pedestall

imkagħbar tikkontempla l-eżistenza umana. Int ixxomm il-baħar kuljum ġo mnifsejk,

imma l-melħ ma tafx x’togħma għandu. Ix-xemx ma għadhiex tbasktek, jekk qatt

kienet tbasktek, għax int abjad wisq u fix-xemx ta’ dal-pajjiż tinħaraq u ssir aħmar

biss taf. Int aħmar u l-baħar blu, il-kuluri komplimentarji ta’ dal-post.

Nawguralek li xi darba tinżel minn fuq l-pedestall u tlaħlaħ wiċċek bl-ilma baħar.

Skjav

Art twelidek u l-art imwiegħda, it-tnejn huma miraġġ.

Dejjem għixt fil-limbu, fin-nofs, fuq gżira, f’dalma, fejn il-baħar qatt ma jitqawwa u

r-riħ ma jonfoħ qatt.

Il-kullar ta’ ma’ għonqi ssaddad, ma għadux tajjeb għal logħob sesswali selvaġġ.

Page 33: Ex Voto Kitbiet

Tiegħek għadu sod? It-tpinġija ta’ fuq sidri, l-“R”, intfiet, ħdaret b’mod ikrah. Xorta

għadha tingħaraf ta. Anki l-ankra u d-demgħa mħażżin mal-ġenb ta’ wiċċi għadhom

jingħarfu.

Ħadd qatt ma qalli xejn li ħa nsir hekk, li l-ġilda ħa tixrief u wiċċi jiddendel u nsir wiċċ

il-ħniena. Kuntent bih, it-timbru ta’ wiċċ il-ħniena. Jieħdok f’toroq ġodda, u jimbar-

ralek ohrajn. Toroq b’ħafna waqfiet għal tal-linja, u turġien jagħtu ‘l isfel għall-U-

Bahn.

U jien hawn, bil-kullar ma’ għonqi.

Xenqa

Int twelidt tixxennaq, sakemm xi ħadd jinfidlek qalbek f’attentat li jwaqqfek u jispiċċa

jxennqek iżjed, tant ixennqek li jkollok tirtira, tmur tgħix fuq ġżejjer uġigħ mifruxa

mal-arċipelagu ta’ ġismek. Gżejjer li jattakkawhom it-torok, irabbu l-ħnieżer fuqhom,

magħhom jaħbat San Pawl. Gżejjer li darba kuljum iżurhom vapur abjad idaħħan iqa-

ssam il-provvisti. U kultant il-baħrin, meta jgħejjew, inaqqxu salib jew iħażżu vapur

mal-ħitan mielħa tal-kappelli sparpaljati fuq ix-xagħri ta’ sidrek ċatt.

Int Alla tiegħek innifsek u ma jkollokx Alla ieħor għajrek. Itlob għal apokalissi atomi-

ka, għal qtil makabru ta’ min weġgħek. Aħdem għad-distruzzjoni tal-għadu u hemm

jitqaddes ismek. Fittex li titqarben kuljum u tishar fuq ħsibijietek. Fost ix-xewqat

kollha, itma’ biss dik li titla’ l-ġenna bir-ruħ u l-ġisem.