Il festi nazzjonali maltin

Preview:

Citation preview

Il-Festi Nazzjonali Il-Festi Nazzjonali MaltinMaltin

Unit 5: Il-KalendarjuUnit 5: Il-KalendarjuLezzjoni 2Lezzjoni 2

Jum il-Vitorja (8 ta’ Settembru 1565)

Fl-1565, Malta ġiet attakkata mit-Torok. Dan l-attakk huwa msejjaħ l-Assedju l-Kbir.

Għal tliet xhur sħaħ, it-Torok attakkaw il-fortizzi tal-Kavallieri, l-aktar Sant’Iermu, l-Isla u l-Birgu. Il-Kavallieri u l-Maltin urew qlubija kbira imma kienu kważi qatgħu qalbhom.

Fit-8 ta’ Settembru waslet għajnuna kbira ta’ suldati minn Sqallija. It-Torok beżgħu u ħarbu minn Malta u b’hekk l-Assedju ntrebaħ mill-Maltin u l-Kavallieri.

It-8 ta’ Settembru, festa ta’ Marija Bambina, baqa’ magħruf bħala Jum il-Vitorja. Il-monument li jfakkar din il-ġrajja jinsab fil-Belt Valletta.

Fil-Port il-Kbir issir tiġrija bid-dgħajjes magħrufa bħala r-regatta.

Is-Sette Giugno (7 ta’ Ġunju 1919)

Fis-7 ta’ Ġunju 1919, il-Maltin ipprotestaw kontra t-tmexxija Ingliża f’pajjiżna. Kien hawn il-faqar u ħafna nies bla xogħol. Ridna wkoll aktar sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżna.

Il-Maltin niżlu fit-toroq u fl-irvellijiet li nqalgħu, is-suldati Ingliżi sparaw fuq il-folla u qatlu erba’ Maltin.

Din il-ġrajja storika tiġi mfakkra ta’ kull sena u hija waħda mill-festi Nazzjonali ta’ pajjiżna. Il-monument li jfakkar din il-ġrajja jinsab fi ġnien pubbliku fil-Belt Valletta.

Jum l-Indipendenza (21 ta’ Settembru 1964)

Malta damet ħafna parti mill-Imperu Ingliż. Il-gvernatur Ingliż kien imexxi lil pajjiżna. Malta saret bażi militari u navali fil-Mediterran.

Id-deċiżjonijiet kienu jeħduhom l-Ingliżi u Malta kienet

tiddependi fuq l-Ingilterra.

Kien fil-21 ta’ Settembru 1964 li Malta ngħatat l-Indipendenza mill-Ingilterra. Il-gvern Malti beda jiġi magħżul mill-poplu u kull deċiżjoni tittieħed minnu mingħajr indħil ta’ ħadd.

Ir-Reġina tal-Ingilterra baqgħet bħala l-kap ta’ pajjiżna, u din kienet irrappreżentata mill-Gvernatur Ġenerali.

Fil-Furjana nsibu monument li jfakkar din il-ġrajja u fil-Belt Valletta hemm lapida mwaħħla mal-ħajt tal-palazz tal-President.

Jum ir-Repubblika (13 ta’ Diċembru 1974)

Fit-13 ta’ Diċembru 1974 Malta saret Repubblika u b’hekk qtajna r-rabta kollha li kellna mal-Ingilterra.

Ir-Reġina ma baqgħetx il-Kap tal-Istat Malti u minflok beda jinħatar President minn fost il-poplu. Sir Anthony Mamo nħatar bħala l-ewwel president tar-Repubblika ta’ Malta.

Jum il-Ħelsien (31 ta’ Marzu 1979)

L-Ingliżi telqu għal kollox minn Malta fil-31 ta’ Marzu 1979. Malta ma baqgħetx isservi bħala bażi militari. Din il-ġrajja hija magħrufa bħala Jum il-Ħelsien.

F’Xatt ir-Riżq, il-Birgu, insibu l-monument tal-Ħelsien. Il-monument ifakkar l-għeluq tal-bażi militari Ingliża f’pajjiżna. Issa Malta kienet ħielsa mill-preżenza ta’ forzi militari barranin.

Tmiem

Paul Rapa

Recommended