12
il-gazzetta tal-Ġużeppini Maltin Numru 16 Marzu 2009 Il-Banda Sagra Familja taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ugo Buhagiar waqt il- programm mużikali li sar f’Jum il-Kalkara 2008. » Aktar f’paġna 12 Ritmu mgħaġġel fl-armar “Sar prattikament bżonn li l-pass li qbad- na fejn jidħol l-armar ikompli bl-istess ritmu, u għalhekk huwa ferm importanti li l-proġetti kollha li bdew f’dawn l-aħħar snin jitkomplew sal-fażi finali tagħhom.” Dan intqal f’intervent tas-Segretarju Duncan Brincat f’isem il-Kumitat Ċentrali wara diskussjoni dwar il-proġetti tal-ar- mar għall-festa titulari 2009. Fil-fatt, matul l-aħħar xhur, sar bosta xogħol sabiex ikomplu jiġu finalizzati l- proġetti tal-armar mibdija, bħas-sett ta’ pavaljuni ta’ Triq is-Sienja, is-sett ta’ pav- aljuni ta’ Triq is-Sibi, u s-sett ta’ pavaljuni u bandalori ta’ Triq ir-Rnella. » 2 Festa 2009: inkomplu fejn ħallejna Wara diskussjoni u aġġornamenti fis- seduti tal-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà, ġie finalizzat il-programm tal-festa titulari ad unur San Ġużepp għas-sena 2009. Dan il-programm se jkun wieħed li jikkumpli- menta l-festa li saret is-sena l-oħra, fejn kulħadd kellu kliem ta’ tifħir kemm għall- organizzazzjoni, kif ukoll għall-proġetti mill-isbaħ li qed jiżżanżnu, b’mod speċjali fejn jidħol armar. Madankollu, il-festa ta’ din is-sena se tkun immarkata bis-sittin sena anniver- sarju mill-wasla tal-istatwa titulari ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, eżattament fl-1949. Filfatt, għaxar snin ilu, fl-1999, saru festi kbar biex jimmarkaw dan l-anniversarju tant għall-qalb il-Kalkariżi. Bħal f’dawn l-aħħar snin, iċ- ċelebrazzjonijiet esterni tal-festa se jingħataw bidu mis-Soċjetà nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju, l-Aħħar Erbgħa bi tħejjija għall- festa. Matul din il-ġimgħa se jsiru diversi attivitajiet fi Pjazza Sagra Familja, fosthom street concert annwali mill-Kummissjoni Żgħażagħ. Filfatt, l-istess Kummissjoni ap- pellat sabiex dawk kollha li huma » 2

Gilju Rebbieh Marzu 2009

Embed Size (px)

DESCRIPTION

Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, Kalkara

Citation preview

Page 1: Gilju Rebbieh Marzu 2009

il-gazzetta tal-Ġużeppini Maltin Numru 16 Marzu 2009

Il-Banda Sagra Familja taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Ugo Buhagiar waqt il-programm mużikali li sar f’Jum il-Kalkara 2008. » Aktar f’paġna 12

Ritmu mgħaġġel fl-armar“Sar prattikament bżonn li l-pass li qbad-na fejn jidħol l-armar ikompli bl-istess ritmu, u għalhekk huwa ferm importanti li l-proġetti kollha li bdew f’dawn l-aħħar snin jitkomplew sal-fażi finali tagħhom.” Dan intqal f’intervent tas-Segretarju Duncan Brincat f’isem il-Kumitat Ċentrali wara diskussjoni dwar il-proġetti tal-ar-mar għall-festa titulari 2009.

Fil-fatt, matul l-aħħar xhur, sar bosta xogħol sabiex ikomplu jiġu finalizzati l-proġetti tal-armar mibdija, bħas-sett ta’ pavaljuni ta’ Triq is-Sienja, is-sett ta’ pav-aljuni ta’ Triq is-Sibi, u s-sett ta’ pavaljuni u bandalori ta’ Triq ir-Rnella. » 2

Festa 2009: inkomplu fejn ħallejnaWara diskussjoni u aġġornamenti fis-seduti tal-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà, ġie finalizzat il-programm tal-festa titulari ad unur San Ġużepp għas-sena 2009. Dan il-programm se jkun wieħed li jikkumpli-menta l-festa li saret is-sena l-oħra, fejn kulħadd kellu kliem ta’ tifħir kemm għall-organizzazzjoni, kif ukoll għall-proġetti mill-isbaħ li qed jiżżanżnu, b’mod speċjali

fejn jidħol armar.

Madankollu, il-festa ta’ din is-sena se tkun immarkata bis-sittin sena anniver-sarju mill-wasla tal-istatwa titulari ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, eżattament fl-1949. Filfatt, għaxar snin ilu, fl-1999, saru festi kbar biex jimmarkaw dan l-anniversarju tant għall-qalb il-Kalkariżi.

Bħal f’dawn l-aħħar snin, iċ-ċelebrazzjonijiet esterni tal-festa se jingħataw bidu mis-Soċjetà nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju, l-Aħħar Erbgħa bi tħejjija għall-festa. Matul din il-ġimgħa se jsiru diversi attivitajiet fi Pjazza Sagra Familja, fosthom street concert annwali mill-Kummissjoni Żgħażagħ. Filfatt, l-istess Kummissjoni ap-pellat sabiex dawk kollha li huma » 2

Page 2: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 20092 Aħbarijiet

Ir-Ritmu fl-Armar» 1 Dan kollu barra l-ammont kbir ta’ xogħol ta’ ħjata li qed isir mill-Għaqda tal-Armar Ġilju ta’ Lulju għal irħula u festi oħra, bil-qliegħ imur b’riżq il-proġett ewlieni tas-Soċjetà, dak tar-rinovazzjoni tas-sede tas-Soċjetà.

Iżda dan ir-ritmu mhux jinħass biss fejn jidħlu l-proġetti tad-drapp. Fil-fatt, fuq inizjattiva u dedikazzjoni tal-Kummiss-joni Żgħażagħ, bħalissa qed jitkom-pli l-proġett tal-kolonna l-ġdida ta’ San Ġużepp. Matul din is-sena tkompliet xi skultura fl-injam, fosthom fuq il-maz-zarelli, kif ukoll inbeda x-xogħol fuq kanċell mill-isbaħ li se jdawwar din il-kolonna. Ċertament li la jitlesta dan il-proġett se jkun wieħed uniku fil-Kalkara. Il-Kummissjoni Żgħażagħ, fi stqarrija, ir-ringrazzjat lil dawk kollha li qed jagħtu donazzjonijiet f’dan ir-rigward, b’mod speċjali permezz tad-diċina li qed issir apposta kull xahar.

Sadanittant, l-istess Kummissjoni kom-pliet xi xogħol ta’ liedna ġdida għal di-versi toroq, filwaqt li l-għaqda tal-armar ħadmet xi fustuni ġodda u qed tagħmel restawr fuq xi wħud mill-ammont kbir ta’ statwi li jsebbħu t-toroq tagħna.

Dan kollu ma waqqafx il-progress kbir li qed isir fuq il-proġett tal-planċier, fejn bħalissa qed jitkompla x-xogħol ta’ kar-penterija fuq il-panewijiet tad-dawra, u

qed jitkomplew xi grandimenti mill-artist Michael Camilleri Cauchi, b’mod speċjali dak tal-leġiji. Il-Kummissjoni Planċier tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu donazzjonijiet b’riżq il-planċier, u tkompli tħeġġeġ iżjed partitarji sabiex jagħtu l-għajnuna tagħhom f’dan il-proġett grandjuż.

L-enerġija li tirrenja fi ħdan l-Għaqda tal-Armar Ġilju ta’ Lulju hija waħda inkredibb-li, u qed tissarraf f’bosta proġetti innovat-tivi u ta’ kalibru, li jixhdu mhux biss ħila u serjetà, iżda wkoll dedikazzjoni matul sena sħiħa ta’ ħidma. Illum il-ġurnata t-toroq tagħna huma miżgħuda b’xogħol l-aqwa artisti Maltin! ĠR

Festa 2009» 1 interessati sabiex jieħdu sehem f’din l-attività annwali, jikkuntattjaw minnufih lill-membri tal-istess Kummissjoni.

Il-Banda Sagra Familja se żżomm l-ap-puntament annwali tagħha bil-programm mużikali fuq il-planċier nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju, fejn wara s-suċċess tas-sena l-oħra, din is-sena qed jitħejja programm mill-isbaħ, fejn is-sorpriżi ma jonqsux.

Żgur li m’għandniex x’nikkummentaw fuq il-marċijiet tal-Erbgħa (l-ewwel tridu) u l-Ġimgħa (l-aħħar tridu), fejn permezz tad-dimostrazzjonijiet bl-istatwi ta’ San Ġużepp u tas-Sagra Familja, rispettivament, il-Ka-lkara tistgħana bi spettaklu mill-aqwa ta’ briju, devozzjoni, armar, u fuq kollox bis-sehem tal-aqwa baned. Ta’ min jirrimarka wkoll l-ispettaklu kbir ta’ nar tal-ajru u tal-art, partikolarment il-Ġimgħa filgħaxija, fejn hemm preparati bosta sorpriżi għall-festa ta’ din is-sena. Ma jonqosx lanqas il-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu, bis-sehem tal-Banda Sagra Familja u l-partitarji, filwaqt li filgħaxija b’mod devozzjonali nilqgħu l-vara titulari quddiem is-sede tas-Soċjetà.

Il-Kumitat Ċentrali qed jappella għal don-azzjonijiet b’riżq l-ispejjeż tal-festa, li ta’ kull sena qed jiżdiedu bil-bosta. Fi stqar-rija, il-Kumitat fakkar li l-ispejjeż tal-festi ta’ barra toħroġhom kollha s-Soċjetà, u għaldaqstant l-għajnuna ta’ kulħadd, hija indispensabbli. ĠR

Waħda mill-mazzarelli tal-kolonna l-ġdida ta’ San Ġużepp, proġett tal-Kummissjoni Żgħażagħ Sagra Familja, lesta mill-iskultura fl-injam. Proġett ieħor li juri ħila u dedikazzjoni.

Tmiem is-sena fenomenali!Divertiment, mużika kontinwa, ikel b’abbundanza kbira u xow mill-aqwa fuq big screen ikkaratterizzaw l-aħħar attività li saret għas-sena 2008, in-New Year’s Eve Get Together. L-attività li saret mill-Kumi-tat Ċentrali kellha attendenza mill-aqwa, b’mod speċjali minn żgħażagħ u partitarji li ddeċidew li jqattgħu l-bidu tas-sena l-ġdida ġewwa s-sede tas-Soċjetà. Ħajr mistħoqq lil kull min ta sehmu fl-organiz-zazzjoni, ewlenin fosthom lil Joseph Per-sico, Michael Spiteri u Duncan Brincat. Il-kliem ta’ tifħir wera s-suċċess ta’ din l-at-tività annwali, li l-qliegħ tagħha mar b’riżq il-proġett tal-każin. Inkomplu nħeġġu lill-membri u l-partitarji kollha sabiex jattendu bi ħġarhom għal kull attività. ĠR

WebsiteSadanittant, il-Kumitat Ċentrali bħalissa għaddej fuq xogħol kbir ta’ ristrutturar fuq il-website uffiċjali tas-Soċjetà. Din l-ewwel website Kalkariża, li ilha tiffunzjona sa mis-sena 2000, fiha wieħed, minn barra informazzjoni storika dwar is-Soċjetà u l-Kalkara, se jkun jista’ jsib informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-aħħar aħbarijiet tas-Soċjetà, kif ukoll stazzjon televiżiv elet-troniku bl-isem ta’ TeleKalkara li se jkun qed ixandar mhux biss informazzjoni, iżda wkoll mużika, attwalità u anki xan-dirieti diretti ta’ attivitajiet u programmi oħra. Għaldaqstant, il-Kumitat Ċentrali jħeġġeġ lil kulħadd sabiex jagħti titwila fuq www.sagrafamilja.org ĠR

Parti żgħira mill-abbundanza ta’ ikel li ġie servut matul in-New Year’s Eve Get Together li sar fis-sede tas-Soċjetà fl-aħħar tas-sena 2008.

Page 3: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 2009 Aħbarijiet 3

F’April li ġej...

Erġajna għal fuq il-Fosos!Wara s-suċċess li nkiseb matul il-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art li sar fuq il-Fosos tal-Furjana f’April 2008, l-Għaqda tan-Nar Sagra Familja ħabbret li din is-sena ser terġa’ tieħu sehem permezz ta’ żewġ irdieden fl-istess festival li se jit-tella’ nhar is-Sibt 25 t’April 2009.

Matul il-festival li sar is-sena l-oħra, l-Għaqda tan-Nar Sagra Familja kienet ħadet sehem b’raddiena xogħol Joseph Persico u oħra xogħol Joseph Schembri. Għalkemm kien hemm kompetizzjoni qalila, tant li ħadu sehem anki kmamar tan-nar li ilhom stabiliti bosta snin f’dan il-qasam, l-Għaqda tan-Nar Sagra Famil-ja ġiet klassifikata fit-tieni post fl-għażla tal-poplu Malti permezz tat-televoting, kif ukoll ġiet klassifikata fuq quddiem mill-ġurija barranija. Dan wassal biex mhux biss jinħoloq entużjażmu fost id-dilettanti tan-nar, iżda wkoll ħoloq sfida akbar għall-istess għaqda. Fil-fatt huma bosta dawk il-festi li qed ifittxu s-servizzi tal-Għaqda tan-Nar b’mod speċjali fejn jidħol nar tal-art.

B’reazzjoni għal dan, fi stqarrija, l-Għaqda tan-Nar Sagra Familja ħabbret li reġgħet ġiet mistiedna tieħu sehem f’dan il-fes-tival, u wara polza apposta, tħabbar li l-istess għaqda se tkun qed tikkompeti fit-tieni post, minn total ta’ tlettax-il għaqda tan-nar li se jieħdu sehem f’din it-tielet edizzjoni.

Il-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art se jittella’ nhar is-Sibt 25 t’April 2009, u matulu kull għaqda tan-nar se tkun qed tikkompeti fi tliet kategoriji: l-aqwa mekkaniżmu, l-aqwa użu tal-ktajjen, u l-aqwa prodott u oriġinalità. Il-ġurija se tkun komposta minn pirotekniċi bar-ranin, taħt l-assistenza tal-espert lokali s-Sur Joe Theuma, Segretarju tal-Għaqda Piroteknika Maltija.

Fir-rigward tat-televoting, wieħed jista’ jivvota lill-Għaqda tan-Nar Sagra Famil-ja permezz ta’ SMS fuq 50615072 u għalhekk minn din il-paġna nħeġġu lil kulħadd sabiex dakinhar tal-festival jiv-vota bi ħġaru.

Bħalissa għaddejja ħidma sfieqa fuq mekkaniżmi ġodda għal diversi rdieden, tant li x-xogħol b’dan il-għan jinsab għaddej ta’ kuljum. Fl-istess waqt matul ix-xahar ta’ Frar, l-Għaqda tan-Nar kienet qed tiġbor l-ismijiet u d-dettalji ta’ dawk kollha li xtaqu jġibu l-liċenzja temporan-ja fil-ħruq u l-manifattura tan-nar, kemm dak tal-ajru kif ukoll dak tal-art. Kien hemm rispons pożittiv għal dan il-għan.

Sadanittant, matul ix-xhur ta’ Marzu u April, l-Għaqda tan-Nar Sagra Familja se tkun qed tqassam envelopp fid-djar tal-partitarji sabiex fih tintefa’ donazzjoni b’riżq il-ħarqa tan-nar. Stqarrija tal-ist-ess għaqda talbet lil kulħadd sabiex ikun ġeneruż fl-għotja tiegħu, bħalma ġara matul il-ġabra li saret fil-bidu tas-sena, fejn tqassam pocket calendar u sticker tal-Għaqda tan-Nar Sagra Familja. ĠR

Page 4: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 20094 Editorjal

Marzu: ix-xahar tiegħu!Reġa’ wasal ix-xahar sabiħ ta’ Marzu, xahar li fih niċċelebraw il-festa liturġika ta’ Missierna u missier ir-raħal tagħna, San Ġużepp. Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li nqisu dan ix-xahar bħala x-xahar tiegħu! Għalina l-Kalkariżi, Marzu ta’ din is-sena huwa speċjali, għaliex propju sittin sena ilu waslet il-ġawhra ta’ raħalna fos-tna: l-istatwa titulari ta’ San Ġużepp. U mhux ta’ b’xejn li nsejħu lil din l-istatwa ġawhra, għaliex barra li hija minquxa b’tant preċiżjoni fl-injam, din l-istatwa hija meqsuja bħala waħda unika fl-am-mont kbir ta’ simboli li fiha. Għaliex ikoll-na nistqarru bi dritt: x’sens fiha li jkollok statwa li tkun sabiħa biss għall-għajn mingħajr ma tħeġġeġ fik devozzjoni u sens ta’ qima? X’sens fiha li jkollok statwa simili għal dawk li żżejjen bihom it-toroq tar-raħal fil-festa, jew inkella li ssib simili tagħha għexieren oħra? L-istatwa titu-lari tagħna l-Kalkariżi hija unika, għaliex mhux biss tista’ tissejjah waħdiena fl-għamla tagħha, iżda fiha linja ta’ ħsieb li diffiċli ssib f’bosta statwi oħra!

B’dan il-ħsieb f’moħħna, din is-sena ħsibna biex niċċelebraw dan l-anniver-sarju permezz ta’ logo u anki xi affarijiet speċjali oħra, li għalissa se nħalluhom sorpriża. Nitolbu lil Alla, li għalkemm dan l-anniversarju mhux importanti daqs kemm ikun dak ta’ 50, 75 jew 100 sena, xorta waħda jħalli f’qalbna l-im-patt meħtieġ, biex kull jum matul ħajjitna nitgħallmu nimxu fuq dak li għallimna l-

kbir Missierna tas-sema!

Sadanittant, wara dik l-introduzzjoni kemmxejn twila, nilqagħkom għal din il-ħarġa ta’ il-Ġilju Rebbieħ mimlija sa snienha b’informazzjoni u tagħrif mhux biss dwar San Ġużepp u s-Soċjetà, iżda wkoll dwar ir-raħal tagħna. Nix-tieq pubblikament nirringrazzja lil dawk kollha li għaddewlna kummenti pożittivi dwar il-ħarġa ta’ Diċembru 2008, bil-format preżenti, li tqassmet f’kull dar tal-Kalkara u anki f’diversi każini tal-banda Ġużeppini. Kienu bosta dawk li faħħru din l-inizjattiva, u anki oħrajn li għaddewlna suġġerimenti validi li kif wegħdniekom lesti li nikkunsidraw fil-ħarġiet li ġejjin. Grazzi mistħoqq lil dawk kollha li jagħtu sehmhom f’din il-pubb-likazzjoni, fosthom b’mod speċjali lil dawk li jiktbu l-artiklu tagħhom, kif ukoll lil dawk li jirriklamaw. Nixtieq infakkar li din il-pubblikazzjoni, għalkemm titqas-sam f’kull dar b’xejn, tiswa’ l-flus biex tiġi stampata, u għalkemm ix-xogħol kollu involut huwa volontarju, napprezzaw lil dawk kollha li jkunu jixtiequ jirreklamaw fuqha.

Din hija l-aħħar ħarġa qabel il-festa titulari f’Lulju li ġej, fejn fiha jiġi stam-pat il-ktieb tal-festa, rinomat f’dawn l-inħawi għall-kontenut u l-preżentazzjoni tiegħu. Ix-xogħol kollu b’riżq din il-festa tant għal qalbna jinsab fl-aqwa tiegħu u f’bosta każi, anki fl-aħħar irtokki. Qed jitkomplew bosta proġetti tal-armar li ġew imżanżna f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll il-proġett monumentali tal-planċier “Ġawhra Ġużeppina”. Dan barra x-xogħol kbir li qed isir fuq irdieden ġodda għan-nar tal-art, u spettaklu mill-aqwa ta’ nar tal-ajru. Bl-istess ritmu għaddejja ħidma kbira fuq proġetti importanti relatati mal-Banda Sagra Familja, fejn qed nistennew riżultati mill-aqwa fil-festa li ġejja.

Għaldaqstant, minn din il-paġna nixtieq nirringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu f’kull operat tas-Soċjetà, u minn issa qed inħarsu lejn il-festa li ġejja b’ottimiżmu kbir: festa dejjem tikber u aqwa minn ta’ qabilha! ĠR

Duncan Brincat

Karikatura Andrew CiliaSittin Sena Fostna.

Leħen l-Ewwel Soċjetà Mużikali Ġużeppina Kalkariża.

Pubblikazzjoni ta’Circolo San Giuseppe

Filarmonika Sagra FamiljaKalkara A.D. 1897

80/82, Triq ir-Rnella, Kalkara KKR1233Tel: (+356) 21809928

Email: [email protected]: www.sagrafamilja.org

Bord EditorjaliDuncan Brincat

Andrew Cilia

RitrattiJosette Xuereb

ArtikolistiDuncan BrincatBrady BugejaAndrew CiliaĠużi Gauci

Joseph GrechKathleen Grima

Fr. Martin Mamo

Stampat fl-istamperijaBestprint Ltd., Qrendi

Setting, Produzzjoni u Dritt tal-KopjaIMI Publications

Page 5: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 2009 Storja 5

Il-Papa Ljun XIII (1879-1903)Il-Papa Ljun XIII huwa magħruf l-aktar bħala l-Papa tar-Rerum Novarum. Iżda għalina l-Kalkariżi, ċertament li huwa jibqa’ magħruf bħala l-Papa tal-Parroċċa tal-Kalkara. U dan bir-raġun!

Nafu skond l-istorja ta’ diversi rħula Maltin u Għawdxin li dawn saru Parroċċi awtonomi meta l-popolazzjoni tagħhom kienet tgħodd ftit mijiet, ngħidu aħna xi tliet mitt ruħ. Eżempju ta’ dan huma rħula bħal Ħal Safi, Ħal Kirkop, il-Qrendi u l-Imqabba. Meta n-nies ta’ dawn l-irħula għamlu t-talba tagħhom biex jinqatgħu mill-matriċi tagħhom u jsiru parroċċi aw-tonomi ma sabu l-ebda tfixkil.

Mhux bħalna! Aħna l-Kalkariżi sibna l-bibien kollha magħluqa, li kien speċi ta’ veto li ħadd ma seta’ għalih. Dan it-tfixkil kollu kien ġej mill-arċipretura tal-Birgu, għax dawn l-Arċiprieti kienu jsostnu li ma xtaqux jitilfu l-isbaħ territorju minn taħt idejhom. Dan kien kapriċċ bla skruplu ta’ xejn, u li kien qed joħloq tbatija kbira fl-abitanti tal-ħelwa Kalkara tagħna.

Ta’ min jgħid li l-popolazzjoni tal-Ka-lkara f’dawk iż-żminijiet ma kienetx xi ftit mijiet bħall-irħula li semmejna iżjed ‘il fuq. Kienet popolazzjoni li tleħħaq kważi l-elf ruħ. Għalhekk, meta dawk li aktar tard kellhom ikunu l-uffiċjali tas-Soċjetà Circolo San Giuseppe raw li kienu qed jitħabtu għal xejn, għax kif ra-jna kien hemm imblokk totali min-naħa tal-Birgu, huma ddeċidew li jirrikorru lejn il-Parroċċa ta’ Bormla fil-persuna tal-Kanonku Dun Ġużepp Azzopardi. Dan kien bniedem stinat u fejn kien ideffes rasu kien jibqa’ jiġġieled sa kemm iġibha żewġ. Huwa wegħdhom li kien lest ak-kost ta’ kollox li jgħinhom, mhux biss fit-talba tagħhom għal Parroċċa, imma anki

fil-bini ta’ Knisja xierqa. Tant ħa l-kas bis-serjetà, li mexxieh quddiem l-awtorità tal-Knisja f’Malta u mexxa din it-talba ġusta magħmulha mir-rappreżentanti tas-Soċjetà tagħna, quddiem is-Santa Sede.

Il-Papa Ljun XIII laqa’ t-talba favur il-Parroċċa. Dan seħħ fl-10 ta’ Diċembru 1897.

Hawn nibtet stennija oħra: jiġi magħruf min kien se jkun l-ewwel Kappillan. Dan seħħ fil-bidu tas-sena 1898. Il-Kappillan magħżul kien is-Senglean Dun Ġużepp Ciangura, u dan seħħ għalkemm il-Ka-lkara kienet dipendenti mill-Parroċċa tal-Birgu. Dan l-għaġir wassal biex xi Ġirbin jiktbu fil-gazzetti ta’ dak iż-żmien jistaqsu għala seħħ dan!

Nistgħu b’hekk ngħidu u nistqarru li l-Parroċċa tagħna ma ħarġitx direttament mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz tal-Birgu, imma b’mod dirett permezz ta’ ordni mill-Vatikan. Dan kollu grazzi għal Dun Ġużepp Azzopardi tal-Kolleġjata ta’ Bormla. U minħabba dan il-fatt li xi drabi l-Kalkara kienet magħrufa bħala la pic-cola Cospicua, jew bil-Malti “Bormla ż-żgħira”.

Għalhekk għandna nibqgħu grati lejn il-Papa Ljun XIII, fejn is-Soċjetà tagħna tiftaħar bil-ġmiel ta’ statwa li tfakkar lil dan il-Papa providenzjali għall-Knisja Kattolika.

Il-Papa Ljun XIII kien ġie elett fuq it-tron ta’ Pietru fit-2 ta’ Marzu 1897. Ismu tat-twelid kien Vincenzo Giocchino Pecci. Huwa kien amministratur mill-aqwa, tant li meta kien Delegat tal-Papa Gregorju XVI ġo Peruġja, fetaħ bank tat-tifdil biex

ikun jista’ jgħin lill-bdiewa fqar. Dan il-Papa kien ferm sensittiv fejn tidħol it-tbatija, u għalhekk kien fehem mal-ew-wel it-tbatija tal-Kalkariżi, u b’hekk laqa’ t-talba tal-Kanonku Dun Ġużepp Azzop-ardi u tal-poplu tal-Kalkara, immexxi dak iż-żmien mid-diriġenti tas-Soċjetà Cir-colo San Giuseppe. Min jaf jekk xi darba għadx naraw xi żewġ toroq imsemmijin għal dawn iż-żewġ benefatturi kbar tal-Parroċċa tagħna! ĠR

Ġużi Gauci

Statwa tal-Papa Ljun XIII, propjetà tas-Soċjetà, xogħol ta’ Joe Azzopardi.

Page 6: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 20096 Mużika

L-Istrument Mużikali:

Il-Bass ClarinetIl-bass clarinet huwa strument tal-mużika li ġej mill-familja tal-klarinetti. Il-bass clar-inet moderni huma magħmulin tawwalin u għandhom qanpi-ena li tissejjah bħala il-bell tal-klarinett. Il-klarinetti ivarjaw għal ħafna tipi differ-enti. Ħafna minnhom fil-forma tagħhom ikunu simili għal bas-soon. Dan l-istru-ment huwa ta’ ċertu toqol, u allura min idoqq ikollu is-sap-port bl-għonq. Il-bell ta’ dan l-istrument hija simili għal dik

Andrew Cilia

Il-Bass Clarinet.

tas-sassafonu. Għaldaqstant dawn iż-żewġ strumenti huma differenti għall-aħħar minn xulxin, minkejja li jixxiebħu fil-forma.

Il-bass clarinet beda jintuża għall-orkestra sa mis-seklu 19. Aktar kemm beda jgħaddi ż-żmien dan l-instrument beda jsir popolari u magħruf mad-dinja kollha.

Minkejja dan, f’Malta mhux daqshekk komuni u l-kwantità ta’ strumenti li hawn ta’ dan it-tip tgħoddhom fuq is-swaba ta’ idejk il-waħda.

Għaldaqstant ninnutaw li f’kompożizzjonijiet varji madwar id-dinja

dan l-istrument jiġi użat immens. Dan l-istrument partikulari jista’ jiġi akkumpan-jat ukoll minn pjanu kif ukoll strumenti oħra. Tant hu hekk li ntuża f’bosta sound tracks ta’ films u jidħol ukoll fil-mużika jazz u f’xi orkestri ta’ ċertu livell.

Għaldaqstant, il-bass clarinet mhux stru-ment li ser issibu f’xi banda tradizzjonali Maltija jew idoqq il-marċi. Huwa stru-ment l-aktar użat għal kompożizzjonijiet kbar u impenjattivi! ĠR

Sejħa għall-AllieviWara l-appell li sar fl-aħħar ħarġa ta’ din il-gazzetta, kien hemm numru sabiħ ta’ ġenituri li avviċinaw lill-membri tal-Kum-missjoni Banda Sagra Familja sabiex jaraw dwar il-possibiltà li jiktbu lill-uliedhom bħala allievi mal-banda tagħna.

Għaldaqstant qegħdin nerġgħu nappellaw sabiex jingħaqdu iżjed allievi li jitgħallmu l-mużika fi ħdan is-Soċjetà tagħna. It-tagħlim, barra li jingħata b’xejn, isir bl-ak-tar mod professjonali, u jikkumplimenta l-istudji akkademiċi li t-tfal ikollhom.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mingħand il-membri tal-Kummissjoni Banda jew fuq l-email [email protected] ĠR

Page 7: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 2009 Josefoloġija 7

San Ġużepp: it-Tabernaklu fit-TempjuIn-nisġa tal-ħajja u s-sehem fiha, bl-ebda mod ma tagħti dritt lil xi ħadd li jsallab lilu nnifsu jew lil ħaddieħor, u wisq anqas lil Alla. Il-liġi naturali kollha kemm hi tis-ta’ tiġi suġġetta għall-bniedem, għaliex hekk Alla ried u hekk ikun għal dejjem, permezz tal-grazzja li ġieb Ġesù Kristu u San Ġużepp, u li huma stess nisġu eżempju ħaj ta’ dan.

Il-ħlas uman li ngħata San Ġużepp huwa ndaqs daqs dak l-eku qiegħan li l-imħabba divina biss taf tagħti. Il-kolon-nati mill-isbaħ tal-iżjed tempju għoljin ju-runa l-mod maestuż, il-kapaċità u r-rieda umana li ngħolew iżjed ’il fuq, għaliex it-toqol tal-qalb huwa daqs l-irħam safi fis-sbuħija kollha tiegħu. San Ġużepp huwa bħal tabernaklu fit-tempju, imwaħħad mal-qdusija sigrieta ma’ ibnu Ġesù. Fil-fatt, San Ġużepp qiegħed lilu nnifsu bħala lqugħ għall-misteru, kustodju u ħarries tiegħu, b’aċċetazzjoni umli, tant li għalih kien u baqa’ “misteru”.

Din il-qdusija wasslet sabiex fih jinbtu dawk l-attributi umani-divini, bħall-ħlewwa, is-sabar, il-perseveranza, in-nu-qqas ta’ qtiegħ il-qalb, il-koerenza, il-fedeltà, l-ubbidjenza, ir-rispett, l-għaqal, ir-rieda, il-verità u kull virtù oħra mħarrġa permezz tal-perfezzjoni fl-imġieba. Il-qdusija Ġużeppina twaħħad fiha il-qawwa barranija li tiġi mdaqqsa b’mod ekwilibrat mad-dgħufija umana. Dawn iwasslu għall-kobor divin li jsir preżenti minnufih.

Id-determinazzjoni qalbiena ta’ San Ġużepp li jgħatti bħal mant spallejn Ġesù, tagħmel irjali ruħu, u tiżvela f’Ġesù dawk l-erwieħ li aktar ’il quddiem se jimxu fuq dan l-eżempju. Il-ħsieb ta’ kuljum Ġużeppin, huwa t-twaħħid tas-skiet ma’ dak kollu li jsir, li jagħmel lil dan il-qad-dis eżempju vigoruż u qaddis, liema eżempju r-raġel ta’ Marija jinfed il-qlub sal-ġurnata ta’ llum, u jkompli jsaħħah il-preżenza tal-kobor ta’ dan il-qaddis fostna.

Il-meravilja arkana, li tinsab biss f’dak li l-intenzjoni tiegħu m’hi xejn ħlief li jkun tweġiba għaċ-ċokon tal-pjan divin, tikka-ratterizza l-ispiritwalità Ġużeppina li,

f’kull parti mill-ħajja, iżomm ħaj l-idejal ħaddiemi u silenzjuż tal-qdusija. It-twet-tiq tad-dmirijiet ta’ San Ġużepp wass-luh bosta drabi biex ikun fuq quddiem, minħabba d-deċiżjoni tiegħu li joqgħod u jissottometti ruħu b’mod temporali għal dak kollu li jingħatalu, matul il-mixja paċenzjuża tiegħu fir-rebħ tal-ħajja de-jjiema.

Is-sekwenza paradossali, fejn hu għal bosta drabi ġie mibgħut f’artijiet bar-ranin, juruna l-qawwa ta’ temperament deċiż, pront b’mod ta’ qdusija għat-tbatija u anki għal bosta nuqqasijiet tal-ħajja. Wara l-esperjenza taċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù, insibu ż-żjara tal-maġi li, per-mezz tas-simboliżmu tar-rigali tagħhom, jinsġu fil-qalb ta’ Ġużeppi sinjali tal-mar-tirju tas-salib li kien se jingħata Ġesù, u kif ukoll tad-daqqa ta’ lanza lil Marija, li kien ġie mħabbar b’mod profetiku minn Xmun.

Ċert, qawwi f’dak li jagħmel b’riżq il-mer-avilja tas-saltna dejjiema, San Ġużepp imexxi l-ġlieda waħdiena tiegħu, kuljum, b’ringrazzjament lil Alla, li permezz tiegħu jista’ iġib ruħu b’ferħ ġewwieni, u b’mod ħieles minn kull forma ta’ dnub, li joħloq għedewwa m’Alla minħabba nu-qqas ta’ sagrifiċċji żgħar. Il-mod ta’ kif jgħix il-bniedem joħnoq is-supremazija kasta ta’ San Ġużepp, li twaqqa’ fit-tajn kemm il-moħħ, kif ukoll il-qalb.

Il-mod ta’ kif xi drabi jiġu skużati xi af-farijiet, bi skuża tal-bżonnijiet tal-bnie-dem, iwassal sabiex San Ġużepp jitqies iżjed fuqan, u permezz t’hekk twassal

għal diskussjoni serja l-kundizzjoni uma-na fid-dinja li tiprofessa ruħha mingħajr ħila għal kull xorta ta’ astinenza. Il-qaw-wa mistika-axxetika li x-xbieha ta’ San Ġużepp timponi fuq il-bniedem, turina x’jiġri meta wieħed jakkwista l-grazzja totali, kemm bil-ħila tiegħu, kif ukoll bis-setgħa divina. ĠR

Duncan Brincat

Il-Mewt ta’ San Ġużepp, pittura żejt fuq it-tila ta’ Bartolomeo Litterini (1669-1748), Padova, l-Italja.

Rokna LetterarjaIl-ktieb li għażilna g ħ a r- r i ċ e n s j o n i għal din il-ħarġa jġib l-isem “Saint Joseph, Fatima and Faterhood” miktub minn Mons. Jos. A. Cirrincione.

Nhar it-13 t’Ottubru 1917, qabel seħħ

il-famuż “miraklu tax-xemx” ġewwa Fati-ma, San Ġużepp deher iżomm lil Bambin Ġesù u t-tnejn li huma dehru jbierku lid-dinja.

Dan il-ktieb jagħti lok għal diversi konklużjonijiet profondi dwar dan il-mi-raklu, fejn wieħed jista’ jixtarr messaġġ uniku. Nirrikmandaw lil kulħadd sabiex jakkwista kopja. (62 paġna; Pp. PB. ISBN 3848). ĠR

Page 8: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 20098 Spiritwalità

Il-Bewsa ta’ Ġuda l-IskarjotaWara li Ġesù għamel ftit siegħat mill-ak-tar kommoventi fil-Ġnien tal-Ġetsemani (Mk. 14, 32-42; Lq. 22, 39-46) fejn għadda mument mill-aktar debboli bħala bnie-dem, issa kellu jgħaddi mill-mument ta’qsim il-qalb bit-tradiment ta’ Ġuda l-Iskarjota. Immaġinaw lil Ġesù, imbeżża’ u mnikket, tant li mar biex jieħu ftit tal-wens mingħand id-dixxipli, iżda fil-fatt ma ħa xejn għax sabhom reqdin, issa kellu jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġuda, jew kif inhu magħruf bħala Ġuda l-Iskarjota: Ġuda (bil-Lhudi huwa Jehudah), u l-Iskar-jota (aktarx ex-Kirjot, raġel mir-raħal ta’ Kirjot), (Mt. 10,4; Mk. 3,19; Lq. 6,16).

Ġesù, li tant ħabb lid-dixxipli, ma sabhomx hemm meta vera kellu bżonnhom, ħlief Ġwanni. Pietru ċaħdu u Ġuda ttradieh. Forsi hawnhekk ukoll tidher id-debboliz-za ta’ l-appostli waqt il-prova, tant li Pi-etru beża’ juri li jafu, imma nidem minn dan id-dnub u l-Mulej ħafirlu. Min-naħa l-oħra, Ġuda mhux bilfors ried jgħati lil Ġesù għall-mewt għax kien jobgħod lil Ġesù, pjuttost ried juri kemm Ġesù kellu qawwa biex jeħles lil-Lhud minn idejn ir-Rumani u għalhekk issieħeb ma’ kom-plott li permezz tiegħu Ġesù ħa l-mewt. Però huwa fatt li l-evanġelisti jirreferu għal Ġuda bħala t-traditur. F’dak il-mu-

ment Pietru qata’ l-widna tal-qaddej tal-qassis il-kbir u Ġesù ċanfar lil Pi-etru (Ġw. 18,20). Ġesù anki f’dan il-mu-ment ikkundanna l-vjolenza. Id-dixxip-pli tiegħu m’ghandhomx ipattu bid-deni għad-deni, iżda jafdaw f’Alla l-Missier li jiddefendihom Hu. Ġesù ried li jseħħ fih dak li kien hemm miktub fuqu bħala l-Qaddej tal-Mulej li jbati.

Kellha tkun il-bewsa ta’ Ġuda li tefgħet lil Ġesù għand is-Sanhedrin, li kien kun-sill magħmul minn 72 membru, magħżul mill-qassisin, mill-kittieba u mix-xjuħ tal-poplu. Kunsill li kien taħt it-tmexxija tal-qassis il-kbir u kien iservi ta’ tribu-nal fi kwistjonijiet reliġjużi. Fit-tribu-nal ried ikun hemm għallinqas żewġ xhieda. It-tnejn li tressqu kontra Ġesù qablu fuq l-akkuża li hu kien qal kliem kontra t-tempju (Ġw. 2,19) u għaliha biss kien ħaqqu l-mewt (Ġer. 26,1-19).

Il-qassis il-kbir sfida lil Ġesù, reġa’ staqsieh jekk hu kienx il-Messija u Ġesù wieġeb b’Salm 110, 1 u Dan. 7, 13 u bihom stqarr li hu l-Messija. Minn hemm Ġesù kompla l-mixja tiegħu għall-kundanna tal-mewt: “Imbagħad Ġuda t-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem, u mar bit-tletin bicca tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura, u qalilhom; ‘dak kien dnub li għamilt, meta tajtkom f’idejkom, demm bla ħtija!’ Iżda huma qalulu, ‘aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int’. Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.” Mt. 27, 3-5.

“Issa dan Ġuda kien xtara għalqa bil-qliegħ inġust tiegħu; u hemm waqa’ għal rasu, inqasam minn nofsu, u ħarġulu msarnu kollha. In-nies kollha ta’ Ġerusalemm saru jafu b’dan, u bdew isejjħu lil dik l-għalqa bl-ilsien tagħhom Hakeldama, jiġifieri l-għalqa tad-demm. Hemm miktub fil-ktieb tas-Salmi,‘Issir ħerba d-dar tiegħu,U ma jkun hemm ħadd li jgħammar fiha;U ħaddiehor jeħodlu xogħlu.’” Atti 1, 18-20.

Iż-żewġ rakkonti li għandna dwar il-mewt ta’ Ġuda, dak ta’ San Mattew u l-ieħor ta’ l-Atti, fihom ħafna differenzi

bejniethom. Dan ma jfissirx li xi waħda minnhom hija żbaljata imma dan jidde-pendi ħafna mis-sorsi li ħa l-kittieb sagru biex irrakkonta dan l-avveniment. San Mattew li nkiteb madwar is-sena 50 W.K. ġabar f’waħda l-profeziji li nsibu fl-Antik Testment (Żak. 11, 12-13; Ġer 18,2-4; 32, 6-9). San Luqa, li kiteb l-Atti xi 80 sena W.K. jieħu t-tagħrif tiegħu minn dak li kien inkiteb qablu.

Ġesù quddiem dan kollu jibqa’ l-Ħaruf meħud għall-qatla, imma f’dan il-mu-ment seta’ jgħid aktar bil-qalb it-talba li għallimna hu stess, “Missier ikun li trid int” (Mt. 6, 10).

Kemm huwa importanti li meta nagħmlu d-dnubiet u nittradixxu lil Alla nitolbuh maħfra kif għamel Pietru. Alla dejjem lest li jaħfrilna. Ġuda, li ttradixxa lil Kristu, għalkemm iddispjaċieh, ma marx jitlob maħfra.

Il-qrar huwa mezz importanti fejn in-nis-rani jista’ jitlob maħfra lil Alla. Alla de-jjem lest li jaħfer lil dak li b’qalb niedma jgħidlu li ma jerġax.

Alla jaf jinsa kull weġgħa li nagħmlulu aħna kif għamel ma’ Pietru, ma’ Żakkew, mal-Madalena, ma’ Mattew, u anki ma’ Ġuda l-Iskarjota, meta minn fuq is-salib huwa ħafer lil kulħadd meta qal, “Mulej aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Lq. 23, 34) ĠR

Fr. Martin Mamo OFM Cap.

Il-QawlIl-qawl li għażilna għal din il-ħarġa huwa dan li ġej:

Marzu bl-ilma xebgħan italla’ ġbira u gods ikbar tkun tat-tgħam.

Dan il-qawl huwa wieħed relatat max-xahar ta’ Marzu fejn jindika li matul dan ix-xahar tinżel ħafna xita u din issaqqi lit-tgħam li min-naħa tiegħu jagħmel bil-kotra. Nistgħu nqisu dan il-qawl bħala wieħed agrikolu. ĠR

Page 9: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 2009 Soċjetà 9

L-Intervista: Michael SpiteriGħeżież qarrejja din hija intervista li ħadna lil Michael Spiteri, aktar magħruf bħala Mickey, li hu l-Kaxxier taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja. Nirringrazzjawh ħafna tal-ħin tiegħu u nawgurawlu aktar snin ta’ ħidma fi ħdan il-każin.

M: Kemm ilek midħla ta’ dan il-Każin?

T: Qabel xejn nirringrazzjakom li tajtuni din l-opportunità nitkellem fuq din ir-riv-ista. Jiena ilni midħla ta’ dan il-każin minn mindu kont għadni tfal u ilni nifforma parti mill-kumitat għal iktar minn erbgħin sena. Għall-bidu ovvjament bdejt bħala membru u imbgħad għal dawn l-aħħar tnax-il sena komplejt nokkupa l-kariga ta’ Kaxxier. Apparti milli jien Kaxxier tal-Kumitat Ċentrali ngħati l-għajnuna tiegħi fl-attivitajiet kollha li jkollna kemm dawk tal-Kumitat kif ukoll dawk tal-kummiss-jonijiet l-oħra kollha. Jekk tistaqsi għall-Mickey ħa jiġi f’moħħok il-ġbir mal-ew-wel, u dan huwa xhieda ċara li fejn jidħol ġbir li jkun hemm bżonn inkun minn ta’ quddiem biex nagħti is-sehem tiegħi.

M: X’inhu l-iskop tal-kariga tiegħek f ’Soċjetà bħal din?

T: Kif spiċċajt il-mistoqsija ta’ qabel, l-iskop prinċipali tiegħi hu li nara li nżomm għaddejjin il-fondi ta’ din is-Soċjetà. Dan jikkonsisti fil-ġbir kollu li jsir matul is-sena u fil-ħlas tad-diċina. Fost il-ġbir tajjeb li nsemmi il-ġbir għall-marċ ta’ filgħodu, il-ġbir għall-planċier kif ukoll il-ġbir għall-armar. Ma jonqsux ukoll li minn żmien għall-żmien ngħamlu xi ħaġa prumistrat u hawn nieħu ħsieb li nbiegħ il-biljetti saż-żmien stipulat. Qabel xejn nieħu ħsieb ukoll il-kotba u r-rendikonti finanzjarji tas-Soċjetà, kif ukoll f’xi qadjiet sal-banek li magħhom is-Soċjetà għandha l-kontijiet tagħha. Insomma, fi ftit kliem fejn jidħol flus jien ikolli x’naqsam b’xi mod jew ieħor.

M: X’avvenimenti u proġetti tibqa tiftakar minn dan il-każin?

T: Irrid nibda hawnhekk billi nsemmi li l-każin tagħna mar ħafna ‘l quddiem f’kull aspett tiegħu. Nibda billi insemmi il-bini

fejn niftakar li jien kont tajt is-sehem tiegħi biex tela’ t-tielet sular u issa nawgura għall-ġejjieni dwar il-proġett tal-każin li għaddej bħalissa.

Apparti mill-bini, il-każin mar ‘il quddiem anki fl-armar tal-festa. Parentesi żgħira jekk tippermettili, jien li kont anki invo-lut ħafna fl-armar fis-snin l-imgħoddija, issa qed nara kambjament kbir f’dak li hu livell, kwalità u kwantità ta’ armar li qed noħorġu, għaldaqstant issa iż-żmien qiegħed hemm u ma nistax nagħti sehmi bħal qabel, imma fejn nista’ xorta ngħin, għax jekk iż-żmien qiegħed hemm, l-imħabba lejn il-festa u l-każin għadha hemm ukoll! Li żgur nibqa ‘niftakar bħala avvenimenti oħra huma r-rinovazzjo-ni tas-sular ta’ isfel tal-każin, is-sena Ċentinarja, fejn il-ġimgħa tliet baned daqqew flimkien l-innu tas-Sagra Familja quddiem il-Knisja tal-Kalkara. Ma nistax ninsa il-miġja tas-Sagra Familja u meta bdejna inżidu t-toroq bl-armar. Biżżejjed insemmi il-miġja tal-profeti u l-istatwa ta’ San Ġużepp tal-pjazza, kif insibuha aħna. Iktar riċenti lejn dan iż-żmien ma ninsa qatt il-proġett ta’ l-umbrella u l-faċċata tal-każin u l-armar il-ġdid ta’ Triq ir-Rnella u Triq is-Sienja. Hawn jiena tajt sehmi wkoll fejn ħdimt fil-fibre l-kruċetti tal-antarjoli ta’ Triq ir-Rnella.

J’Alla l-Bambin iħallini ħaj biex nara lest il-proġett tal-planċier. U minn din il-paġna nappella lil dawk kollha li jixtiequ jgħinuna biex javviċinawni. Għalkemm proġett bħal dan jiswa’ ammont kbir ta’ flus, dan mhux se jaqtalna qalbna!

M: X’tikkummenta fuq din ir-rivista?

T: Rivista tajba ħafna, ngħidlek il-veru ma kontx nemmen li kapaċi naslu sa hawn u nilħqu dan il-livell, imma il-fatti jitkellmu waħedhom u din ir-rivista li għandkom f’idejkom hija xhieda tal-kwalità tajba li biha qiegħdha toħroġ. Għadni niftakar qisu l-bieraħ l-ewwel darba li qbadt f’idejja il-Ġilju Rebbieħ li tista’ tgħid fil-bidu tiegħu kien leaflet fuq karta mitwija, u li kienet ħaġa ġdida għall-dak iż-żmien! Imbgħad bdejna narawh jieħu ix-xejra ta’ fuljett u llum qed naraw il-Ġilju Rebbieħ taħt forma ta’ gazzetta ċkejkna. Gazzetta li żgur qed tħalli il-ġid fost il-Ġużeppini Kalkariżi kollha. Prosit u ibqgħu sejrin hekk.

M: Nistiednek tgħaddi messaġġ lill-qar-rejja.

T: Nappella lilkom qarrejja biex rivista bħal din ma tinjorawiex u tgħatu kasha għax hija ta’ ġid! U nkompli nappellalkom biex tkomplu tkunu segwaċi ta’ din l-ew-wel Soċjetà Ġużeppina Kalkariża! Nirrin-grazzjakom talli jien bħala Kaxxier dejjem sibtkom wara din is-Soċjetà u nappella-lkom sabiex tkomplu turu il-ġenerożità tagħkom għax l-għajnuna tagħkom hija is-saħħa u l-kuraġġ tagħna li fl-aħħar mill-aħħar hija il-pompa li żżomm lil din is-Soċjetà ħajja u attiva! ĠR

Andrew Cilia

Michael Spiteri, Kaxxier tas-Soċjetà, jargumenta waqt diskursata kulurita tipika tiegħu, matul l-intervista li sar-itlu minn Andrew Cilia fis-Sala Loretu Mintoff fi Frar li għadda.

Page 10: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 200910 Tfal

Il-Qdusija ta’ San ĠużeppTfal, illum ser inkellimkom dwar il-qdusi-ja kbira ta’ San Ġużepp, il-qaddis patrun tagħna il-Kalkariżi u Protettur tal-Knisja Mqaddsa.

Mill-bidu li jibda jissemma Ġużeppi fil-Bibbja nibdew naraw il-kwalitajiet tajba li kien jgħożż. Meta l-Madonna kienet qalt-lu li kienet tqila b’Ġesù Bambin, huwa ma ħax deċiżjoni mgħaġġla u lill-Madonna baqa’ jħobbha minkejja d-dubji tiegħu.

Bil-lejl, deherlu anġlu u qallu biex ma jibżax għaliex dak li kien tnissel fil-Ma-donna kien bil-qawwa ta’ Alla. Qallu wkoll biex isemmih Ġesù. Ġużeppi, mingħajr l-

ebda mistoqsija u dubju, jafda fil-kliem tal-anġlu, u jobdi l-ordnijiet li kien tah.

Fl-aħħar tat-tqala ta’ Marija, Ġużeppi jeħodha fuq ħmara ġewwa Betlehem u naraw kif hu mexa it-triq kollha biex il-Madonna ma tbatix tul din it-triq twila. Meta jaslu f’Betlehem, ikollu jieħu lill-Madonna ġewwa grotta u hemmhekk jieħu ħsiebha sakemm twelled lil Ġesù Bambin.

Ftit żmien wara, Ġużeppi jerġa’ jkollu ħolma oħra li fiha jerġa’ jidirlu l-anġlu. Dan iwissieh li Erodi ried joqtol lil Ġesù Bambin u għalhekk jgħidlu biex jieħu lil

Marija u l-Bambin lejn l-Eġittu. Ġużeppi, b’ubbidjenza kbira, jagħmel dak li qallu l-anġlu għal darb’oħra għax kellu fidi kbi-ra f’Alla u jfittex l-ikbar ġid għall-familja tiegħu.

Wara din il-ġrajja, Ġużeppi jkollu iktar ħolm li fih jidrulu anġli u jidderiġuh lejn post trankwill u bogħod minn kull deni għal Ġesù li kien għadu żgħir. L-aħħar episodju li fih jissemma’ Ġużeppi huwa meta hu u Marija tilfuh u wara tliet ijiem sabuh fit-Tempju. Ġużeppi flimkien mal-Madonna għamlu min kollox biex jerġgħu isibuh sabiex ir-rieda t’Alla tit-wettaq.

F’Ġużeppi jispikkaw ħafna kwalitajiet tajba li intom it-tfal għandkom issegwu fosthom is-skiet, is-safà, l-ubbidjenza u l-umiltà, li huma kollha kwalitajiet sbieħ u li jkabbrukom f’insara tajbin!

Mhux ta’ b’xejn li Missierna San Ġużepp huwa protettur tal-Knisja tagħna u Sultan tal-Qaddisin kollha! Għalhekk, minħabba li din is-sena qed niċċelebraw is-sittin sena minn meta l-vara titulari sabiħa tagħna waslet fil-Kalkara, nistedinkom biex kollha kemm aħna insiru aktar nixbħuh f’dak li nagħmlu. ĠR

Joseph Grech

Page 11: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 2009 Sports/Attwalità 11

Ħarsa lejn ix-xena Sportiva KalkariżaFl-artiklu li deher fl-aħħar edizzjoni tal-fuljett il-Ġilju Rebbieħ kont pożittiv ħafna dwar il-prestazzjonijiet li qegħdin niksbu fil-kategoriji ta’ taħt is-17-il sena u tal-kbar fil-futbol. Minn dakinhar ‘l hawn fil-kategorija maġġuri ntlagħbu tliet partiti fejn sfortunatament it-tim Kalkariż tilef tnejn minnhom kontra l-lijders Gudja u Għargħur. Fil-partita l-oħra, it-tim Kalkariż rebaħ bl-iskor ta’ 1-0 kontra Si-rens.

Kif diġa’ semmejt il-kategorija ta’ taħt is-17-il sena jinsabu fit-triq it-tajba u anke qegħdin jokkupaw it-tielet post tal-klassifika, punt biss taħt l-Isla fit-tieni post. F’ dawn l-aħħar ġimgħat dan it-tim lagħab żewġ partiti fejn rebaħ bl-iskor tajjeb ta’ 5-0 kontra Għaxaq u tilef bl-iskor ta’ 3-0 kontra Għawdex li jinsabu fl-ogħla pożizzjoni b’punti massimi. Propju issa fil-jiem li ġejjin il-Kalkariżi se jkunu mpenajti f’żewġ partiti importantissimi kontra s-Sengleani u x-Xlukkajri li jinsa-bu viċin tagħna fil-klassifika. Il-messaġġ tiegħi huwa li nħeġġeġ lill-partitarji koll-ha biex jattendu dawn il-partiti u jagħtu s-support meħtieġ lil dawn iż-żagħżagħ qalbiena Kalkariżi!

Rigward it-tim tal-kbar, dan l-istaġun huwa l-iktar staġun fejn it-tim Kalkariż kiseb punti kumparat mas-snin passati. Ħmistax-il punt ġew miksuba fi 11-il-partita fejn rajna lit-tim Kalkariż jegħleb lil Sirens fix-xahar ta’ Jannar f’konfront sabiħ ħafna fejn spikkaw il-qlubija u d-de-

terminazzjoni tal-plejers Kalkariżi. Fadal seba’ partiti sa tmiem il-kampjonat u xorta għad hemm ċans minimu għal pro-mozzjoni iżda tidher diffiċli ħafna. Għal darb’oħra jiena nħeġġeġ lir-residenti Kalkariżi biex jagħtu s-support għax żgur li hemm bżonnu. Żgur li kull minn jatten-di l-grawnd jieħu pjaċir jara lit-tim għax qed ikun hemm l-element żagħżugħ prodott Kalkariż u prestazzjonijiet kon-tra timijiet iktar kwotati minna qegħdin ikunu tajbin.

Fil-jiem li ġejjin, sakemm qed nikteb dan l-artiklu, jintemm ix-xahar ta’ Frar u jibda x-xahar ta’ Marzu fejn il-kesħa ttaffi xi ftit u jibda l-istaġun tar-Rebbiegħa. Ma-tul dan ix-xahar, apparti l-preparamenti

għall-festa tal-Għid, jibdew ukoll il-pre-paramenti għar-regatta tal-31 ta’ Marzu iktar magħrufha bħala r-regatta ta’ Jum il-Ħelsien. Fost il-lokalijiet li jipparteċipaw f’dan l-isport tradizzjonali hemm il-Ka-lkara. F’dan l-isport il-Kalkariżi għandom reputazzjoni tajba fil-kategorija ‘B’ iktar magħrufa bħala tar-riservs fejn il-Kalkariżi s-sena l-oħra spiċċaw fit-tieni post. Barra minn hekk is-sena l-oħra t-tim ta’ taħt it-18-il sena spiċċa fit-tieni post ukoll u viċin ukoll anke li jikseb l-ewwel post. Għadu kmieni biex inbassru x’jista’ jseħħ fil-31 ta’ Marzu għax ir-regatta bħal kull sport ieħor toffri spettaklu sabiħ mimli b’sorpriżi li jagħtu pjaċir lid-dilettanti kollha tal-isport. ĠR

Brady Bugeja

Bħala kompetizzjoni bi premju għal din il-ħarġa qegħdin nistaqsu din il-mistoqsija: X’anniversarju qegħdin niċċelebraw din is-sena relatat mal-istatwa titu-lari ta’ San Ġużepp?

Ibgħatu r-risposti tagħkom sa mhux ak-tar tard mill-aħħar ta’ April 2009, f’dan l-indirizz: Kompetizzjoni Ġilju Rebbieħ, Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja, 80/82, Triq ir-Rnella, Kalkara.

Ir-rebbieħ jirbaħ voucher ta’ żewġ pizez mingħand Waterline ta’ Triq is-Salini, Wied il-Għajn. ĠR

Ko m p e t i z z j o n i Ħallat kollox permezz ta’ mgħarfa ta’ l-injam u ħalliħ joqgħod għal madwar siegħa qabel ma sservih sabiex il-ħaxix jilħaq jixrob il-ħwawar sew.

Fil-ħarġa li jmiss: Pan Cake mimli bil-faqqiegħ u sidra tat-tiġieġ. Dawk kollha li jixtiequ jgħadduli xi riċetta għal din ir-rokna jistgħu jibgħatu email fuq: [email protected]. Tistgħu ssegwu iżjed riċetti matul l-iskeda tas-Sajf ta’ Radju Ġilju Rebbieħ. ĠR

Ir-riċetta li qed nippreżentalkom f’din il-ħarġa hija l-Insalata Messikana, li hija tajba ħafna speċjalment ma’ dawk kollha li jħobbu l-ikel jaħraq.

Ingredjenti:15-il uqija fażola sewda maħsula15-il uqija fażola maħsula3 kikkri mqarrun ħeluBasla mqatta2 bżariet tal-felfel, imqattajn irqaq3 imgħaref weraq taċ-ċilantro imqatta’2 tadamiet imqatta’Nofs kikkra żejt taż-żebbuga2 imgħaref meraq tal-lumi friskNofs kuċċarina għaselKuċċarina bżar iswed mitħunMelħ

Metodu:Fi skutella kbira ħallat tajjeb iż-żewg tipi ta’ fażola, l-imqarrun, il-basal, il-felfel, il-bżaru aħmar, iċ-ċilantro, iż-żejt, il-meraq tal-lumi u l-għasel, f’din l-ordni. Roxx il-bżar iswed u żid ftit melħ skond il-gosti tiegħek.

Ir-Riċetta:

Insalata MessikanaKathleen Grima

Page 12: Gilju Rebbieh Marzu 2009

ILĠILJUREBBIEĦ Marzu 200912 Aħbarijiet/Kalendarju

Banda b’impenn u serjetàKien biss kliem ta’ tifħir li kkaratterizza s-suċċess li kisbet il-Banda Sagra Familja nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru 2008 wara l-programm mużikali li ttella’ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Kalkara fis-sala prinċipali tal-iskola primarja.

Dan il-programm, li ttella’ bis-sehem sħiħ tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, sar fuq pro-posta taż-żewġ baned Kalkariżi, bl-interess li minflok marċ fit-toroq, isir programm mużikali li jitgawda iżjed, u li kull sena jal-terna bejn il-baned.

Il-mużika li ġiet magħżula kienet tinkludi bosta biċċiet mill-isbaħ, fosthom Mar-cia Slava, I Puritani, Puccini in Concert, Csàrdàs, Bride of the Waves, Granada, I Will Follow Him, u Gladiator. Il-Banda Sa-gra Familja, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro. Ugo Buhagiar, eżegwit dawn il-biċċiet b’ritmu eċċellenti, u kienu bosta dawk il-biċċiet li kienu jinkludu solo minn bandisti tal-post. Ċertament dan li jagħmel banda tajba. Il-programm intemm bl-Innu lill-Banda Sagra Familja, kompożizzjoni

tas-Surmast Direttur tal-banda stess.

Sadanittant, il-Kummissjoni Banda Sagra Familja, mhux biss qed tkompli tħejji iżjed attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, iżda għaddejja b’ħidma bla nifs fuq proġett importanti ħafna li se jkompli jsaħħaħ isem il-banda tagħna. Dan barra rigal mill-isbaħ li l-Kum-missjoni Nisa se tagħti matul il-festa lill-ist-ess banda, fl-okkażjoni tal-għaxar anniver-sarju mit-twaqqif tal-istess Kummissjoni. Dan kollu qed isir permezz ta’ ħidma bla heda minn bosta persuni.

Fl-istess ħin, minbarra s-servizzi mużikali li kien hemm is-sena l-oħra, din is-sena żdiedu żewġ servizzi ġodda barra r-raħal: wieħed f’Raħal Ġdid, u ieħor f’San Ġiljan. Dan kollu jkompli juri s-serjetà tal-Banda Sagra Familja.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Banda kompliet tisħaq sabiex il-ġenituri jibgħatu lill-ulied-hom jitgħallmu l-mużika b’xejn fis-sede tas-Soċjetà. Dan isir bl-aktar mod profess-jonali. ĠR

Il-Proġetttal-KażinFi stqarrija maħruġa mill-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà ġie rrimarkat li wara bosta ġimgħat ta’ preparazzjoni, diskuss-joni u pjanijiet relattivi, il-proġett ta’ tisbiħ, rinnovar u manutenzjoni tas-sede tas-Soċjetà se jingħata bidu nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu 2009. Għaldaqstant, minħabba x-xogħolijiet estensivi li se jsiru fil-bar area, partijiet mill-każin se jkollhom jingħalqu għal żmien limitat, b’konsegwenza li l-bil-liard se jiżżarma għal ftit ġimgħat u se jkoll-ha tintuża darts-board waħda għal matul l-istess perjodu. Minħabba li x-xogħlijiet se jibdew min-nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu, il-billiard se jiżżarma matul il-ġimgħa ta’ qa-bel. Il-bar xorta se jibqa’ miftuħ għall-użu ta’ kulħadd. Il-Kumitat Ċentrali qed jitlob l-koperazzjoni ta’ kulħadd sabiex jiġi mwet-taq dan il-proġett, li fiż-żmien li ġej se jkun qed jagħti dehra ġdida u mill-isbaħ lill-każin tagħna. ĠR

Stampat fuq karta riċiklata.

Il-Kalendarju tal-Attivitajiet: Marzu-ĠunjuHawn taħt se nagħtu ħarsa ħafifa lejn l-attivitajiet li ser jiġu organizzati matul ix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju 2009:

L-Erbgħa 18 ta’ Marzu, 8.30pmSerata Ġużeppina fis-sede tas-Soċjetà fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġużepp. Matul din is-serata organizzata mill-Kumitat Ċentrali se jkun hemm varjetà ta’ mużika, kif ukoll tifkiriet tal-festa 2008. Se jiġi mniehdi wkoll dvd tal-programm mużikali ta’ Jum il-Kalkara

Il-Ħamis 19 ta’ Marzu, 12.00pmFenkata fis-sede tas-Soċjetà mill-Għaqda tan-Nar Sagra Familja fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġużepp. Filgħaxija kulħadd huwa mħeġġeġ jattendi għall-Quddiesa Solenni fil-Knisja Parrokkjali.

It-Tnejn 30 ta’ Marzu, 8.30pmIkla bejn il-Ħbieb mill-Kummissjoni Żgħażagħ fis-sede tas-Soċjetà. Prezz: €10. Kitba mill-membri tal-Kummissjoni Żgħażagħ Sagra Familja.

Il-Ħamis 9 ta’ April, 6.30pm“Raħal il-Fidwa”, attività b’differenza madwar it-toroq fil-viċinanzi tas-sede tas-Soċjetà fejn se tinħoloq atmosfera mill-isbaħ għaż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa. Matul dawn il-ġranet se jiġi mżanżan l-ew-wel parti ta’ proġett waħdien fil-Kalkara.

Il-Ħadd 19 ta’ April, 9.00amĦarġa bit-tombla lejn il-Buskett għall-familja kollha mill-Kummissjoni Nisa. Kitba mis-sede tas-Soċjetà jew mingħand il-membri tal-istess Kummissjoni.

Il-Ħadd 10 ta’ Mejju, 12.00pmIkla fl-okkażjoni tal-festa ta’ Jum l-Omm mill-Kummissjoni Nisa, fejn huma mistied-na b’mod speċjali l-ommijiet kollha. Aktar dettalji jingħataw iżjed ‘il quddiem.

Is-Sibt 16 ta’ Mejju, 8.00pmGet Together fi Pjazza Sagra Familja mill-Kummissjoni Żgħażagħ li matulha tintwera fuq big screen il-finali tal-Eurovision Song Contest. Divertiment garantit u ikel mill-aqwa. Kitba mill-membri tal-Kummissjoni.

Is-Sibt 6 ta’ Ġunju, 8.30pmBarbeque fi Pjazza Sagra Familja imtella’ mill-Kummissjoni Żgħażagħ Sagra Familja.

Attivitajiet oħraMatul dawn ix-xhur, il-Kummissjoni Nisa se tkun qed torganizza diversi High-Teas ġewwa s-sede tas-Soċjetà b’riżq il-proġett tal-każin. Il-Kummissjoni Banda se tkun qed torganizza ikla b’riżq l-ispejjeż tal-ist-ess Kummissjoni u lotterija f’Mejju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Planċier se tkun qed tagħmel lotterija fil-bidu ta’ Ġunju. Matul Marzu u Mejju, l-Għaqda tan-Nar Sagra Familja se tagħmel ġabriet speċjali b’riżq il-ħarqa għall-festa 2009, filwaqt li l-Kummissjoni Żgħażagħ se tagħmel lotteri-ja matul ix-xahar ta’ Marzu. Lotteriji oħra se jsiru għal żmien l-Għid il-Kbir mill-Kumitat Ċentrali tas-Soċjetà.

Sadanittant, nhar is-Sibt 25 ta’ April, l-Għaqda tan-Nar se tkun qed tipparteċipa fil-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art fuq il-fosos tal-Furjana. ĠR